Nirreferu għall-Abbozz ta’ Liġi Nru 125, ippubblikat fil-Gazzetta tal-Gvern fil-31 ta’ Jannar 2025, intitolat “Att biex ikompli jemenda l-Kodiċi Kriminali, Kap. 9”.
Issibu mehmuż ir-rapport dettaljat tagħna bl-oġġezzjonijiet tagħna għal dan l-abbozz ta’ liġi.
Abbozz Nru 125 jemenda l-Kodiċi Kriminali u jdgħajjef drastikament id-dritt tal-individwi li jagħmlu petizzjoni għal inkjesti maġisterjali, sal-punt fejn id-dritt effettivament jixxejjen.
- Il-liġi l-ġdida effettivament tagħmilha impossibbli li jerġħu jseħħu inkjesti bħal dawk tal-VGH u tal-Electrogas (u l-prosekuzzjonijiet konsegwenti għalihom) għax minn issa:
- Talbiet għal inkjesti minn persuni privati se jkollhom ikunu sostnuti minn evidenza ta’ standard identiku għal dak miksub wara l-konklużjoni ta’ inkjesta. Min jagħmel it-talba irid jipprova l-ħtija ta’ xi ħadd ieħor ibbażat fuq bilanċ ta’ probabbiltajiet qabel it-talba tagħhom għal inkjesta tista’ saħansitra tiġi kkunsidrata. Dan ifisser li ċ-ċittadin issa jrid jipprova każ fuq il-bażi ta’ evidenza li tkun ammissibbli fi prosekuzzjoni eventwali qabel Maġistrat jibda jiġbor evidenza ammissibbli għall-istess skop. Dan l-istandard ta’ prova huwa ferm ogħla mir-rekwiżit prima facie biex persuna titqiegħed taħt att ta’ akkuża fi stadju ħafna aktar tard tal-proċedimenti.
- Talbiet għal inkjesta minn persuna privata ma jinstemgħux fil-qorti għal mill-inqas 6 xhur minn meta l-persuna tagħmel ir-rapport lill-pulizija. Il-Qorti Kriminali mbagħad tikkunsidra, fil-magħluq, jekk tilqax talba tal-pulizija biex dan il-perjodu jiġix estiż b’sitt xhur oħra.
- Jekk prosekuzzjonijiet f’każijiet li saru wara li tkun saret inkjesta mitluba minn persuna privata jonqsu ma jwasslux għal kundanni, l-individwu li jkun talab l-inkjesta se jiffaċċja pieni drakonjani li jiswew miljuni ta’ ewro, it-theddida biss ta’ liema pieni jagħmluha impossibbli għal persuna privata li tieħu dan ir-riskju.
- Il-liġi l-ġdida tnaqqas l-effettività tal-inkjesti kriminali (kemm jekk isegwu talba biex tibda minn individwu privat jew anke l-pulizija jew l-AĠ) għaliex:
- Il-maġistrati issa għandhom skadenzi aktar stretti biex jikkonkludu l-inkjesti, mingħajr ebda evidenza ta’ kisbiet fl-effiċjenza tal-operat u fl-għodod disponibbli għalihom;
- Il-maġistrati se jkollhom aċċess imnaqqas għal esperti esterni meta mqabbel ma’ dak li għandhom illum;
- Il-possibbiltà eżistenti li l-Qorti tal-Maġistrati titalab tinvestiga suspett ta’ korruzzjoni fil-pulizija mingħajr ma tirrikorri għall-pulizija stess qiegħda titneħħa, u l-pulizija issa se jkunu qegħdin jikkontrollaw x’jasal u ma jasalx għand il-qorti, u dan se jnaqqas l-aċċess taċ-ċittadini għall-ġustizzja.
- Il-liġi l-ġdida toħloq drittijiet immaġinarji għal suspettati f’inkjesta li ma jeżistux fil-liġi preżenti u m’għandhom l-ebda bażi fil-kostituzzjoni jew fil-liġi tad-drittijiet tal-bniedem. Din iddgħajjef l-argumenti li saru mill-istat bi tweġiba għat-talba ta’ dawn id-drittijiet immaġinarji magħmula fil-qorti mill-eks Prim Ministru Joseph Muscat biex jassigura l-immunità tiegħu minn prosekuzzjoni fil-każ VGH.
- Id-dritt eżistenti li tintalab konsiderazzjoni mill-ġdid minn qorti superjuri ta’ deċiżjoni li tirrifjuta talba ta’ individwu biex tibda inkjesta, qed jitneħħa.
- Il-liġi l-ġdida hija retroattiva u tħassar inkjesti mitluba minn individwi privati fuq suspett ta’ korruzzjoni, fejn is-suspettat huwa ministru prominenti tal-gvern u dan anke jekk dawn l-inkjesti diġà bdew taħt il-liġi eżistenti, il-liġi hija effettivament miktuba ad hominem.
F’kuntest fejn għal bosta snin kien ippruvat li l-unika għodda effettiva disponibbli għaċ-ċittadini Maltin biex jiżguraw il-prosekuzzjoni tal-gran-korruzzjoni huwa d-dritt tagħhom li jagħmlu petizzjoni lill-maġistrati biex iwettqu inkjesti, it-tneħħija ta’ dan id-dritt hija rigress serju fil-qafas tal-saltna tad-dritt tal-pajjiż.
Il-gravità tal-kwistjoni tinftihem aktar meta wieħed iqis li l-pulizija b’mod konsistenti tirrifjuta jew tittraskura li tinvestiga ksur gravi tal-liġi mill-ogħla uffiċjali tal-Istat, anke fejn dawn jiġu żvelati mill-istituzzjonijiet ta’ integrità tal-Istat, jew esposti u rrappurtati minn ġurnalisti f’Malta b’riskju sinifikanti għal ħajjithom.
Dak ir-riskju rriżulta fil-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia, liema qtil kien motivat minn attentat biex jgħatti l-korruzzjoni kbira li kienet qed tikxef.
Inkjesta pubblika dwar il-qtil tagħha sabet lill-Istat responsabbli għall-mewt tagħha bħala riżultat tal-politika de facto tal-gvern li tippermetti u tiggarantixxi l-impunità li jgawdu nies korrotti f’kariga politika u l-assoċjati tagħhom. Dik l-inkjesta ddokumentat kollużjoni u negliġenza intenzjonata mill-pulizija u mis-servizz tal-prosekuzzjoni, kif ukoll minn aġenziji oħra tal-Istat Malti, maħsuba biex jipperpetwaw l-impunità sal-punt li kull meta ċittadini privati sabu lilhom infushom f’kunflitt ma’ din il-mafja, l-istat jikkonfoffa biex jimmina liċ-ċittadini onesti u jiffavorixxi l-kriminali.
Insostnu li dan l-Abbozz jirfina u jikkonsolida l-isforz tal-gvern biex inaqqas kull reżistenza għall-korruzzjoni u l-kriminalità organizzata u biex jiggarantixxi l-impunità ta’ dawk li jwettquha.
Jidhrilna li dan l-Abbozz ta’ Liġi huwa attakk dirett fuq l-aħħar qatra tas-saltna tad-dritt, att ta’ intimidazzjoni kontra attivisti tas-soċjetà ċivili u ġurnalisti li jagħmlu kampanji dwar il-korruzzjoni jew jirrappurtaw dwarha, u invażjoni kbira mill-fergħa eżekuttiva fuq it-tradizzjoni li ilha teżisti ta’ indipendenza ġudizzjarja fil-qasam tal-inkjesti maġisterjali.
Insostnu li din il-miżura tammonta għal rigress fil-kapaċità strutturali tal-pajjiż biex jissalvagwardja s-saltna tad-dritt u, konsegwentement, li din tikkostitwixxi ksur tal-obbligu kostituzzjonali tal-gvern li jħares is-saltna tad-dritt u li jiggverna demokratikament, kif ukoll ksur tal-obbligu ta’ Malta taħt it-Trattat tal-Unjoni Ewropea li jiggarantixxi s-saltna tad-dritt.
F’dan is-sens, għalhekk, hija l-fehma tagħna li jekk l-Abbozz jiġi adottat ikun jammonta għal ksur tal-prinċipju ta’ non-rigressjoni stabbilit mill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea fil-kawża C-0896-2019 Repubblika vs Il-Prim Ministru. Għalhekk inħeġġu lill-Kummissjoni Ewropea biex tinvestiga bis-serjetà dan il-ksur b’rabta mar-rekwiżiti tal-Artikolu 2 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea.