Repubblika tilqa’ d-deċiżjoni tal-Qorti Ewropea tal-Ġustizzja li kkonfermat dak li dejjem għidna: li l-bejgħ taċ-ċittadinanza Maltija hu ħażin u illegali. Kif għidna ripetutament, u kif illum qalet il-Qorti, iċ-ċittadinanza tirrappreżenta r-rabta ta’ bejn iċ-ċittadini u pajjiżhom, u għax iċ-ċittadinanza Maltija hi wkoll Ewropea tirrapreżenta s-solidarjetà tagħna mal-Ewropej l-oħra kollha.

Il-bejgħ taċ-ċittadinanza Maltija tul dawn l-aħħar għaxar snin irrappreżentana mad-dinja bħala pajjiż li jara biss il-flus u li għalina m’hemm ebda valur ieħor fiċ-ċittadinanza ħlief kemm nistgħu nagħmlu qliegħ minnha. Dan mhux it-twemmin ta’ min iħobb lil pajjiżu u jħaddan valuri demokratiċi.

Din id-deċiżjoni tal-Qorti mhix telfa għal Malta. Hi telfa għall-gvern li introduċa u żamm din il-miżura u injora l-protesti u l-oġġezzjonijiet raġunati tagħna u ta’ ħafna oħrajn f’Malta u barra minnha.

Nappellaw għat-twaqqif immedjat ta’ din l-iskema infami.

Nappellaw ukoll għal reviżjoni ta’ kull ċittadinanza li ngħatat taħt din l-iskema. Għandha tiġi evalwata l-lealtà u l-appartenenza ta’ dawn it-taparsi Maltin li xtraw iċ-ċitaddinanza u dawk li qatt ma reġgħu rifsu artna minn mindu tajnihom il-passaport tagħna għandha titneħħielhom iċ-ċittadinanza Maltija.

Min-naħa l-oħra ntennu l-appell li kull min twieled Malta ikun rikonoxxut bħala ċittadin tagħha.

U finalment nappellaw għal emendi Kostituzzjonali wara konsultazzjoni effettiva biex kif kien fl-imgħoddi, il-Kostituzzjoni tagħna tgħid b’mod ċar u irrevokabbli xi tfisser li tkun ċittadin Malti. Għandu jerġa’ jitniżżel il-patt bejn iċ-ċittadini u l-istat u jiġġeddu l-valuri ta’ appartenza, solidarjetà u konvivenza li l-gvern ried inessi u partat minflok ma’ tletin biċċa tal-fidda.

Nirreferu għall-kummenti vili tal-Prim Ministru Robert Abela li l-bieraħ antiċipa din id-deċiżjoni u qal li minħabba fiha se jbatu l-għaqdiet karitativi li ngħataw flus li l-gvern għamel mill-bejgħ tal-passaporti. Il-gvern għandu obbligi etiċi u soċjali li jħares il-welfare ta’ kulħadd, partikolarment dawk li l-aktar ibatu. Sakemm il-gvern qed jiddelega r-responsabbiltajiet li fil-verità huma tiegħu lill-volontarjat, jibqa’ d-dmir tiegħu li jara li s-servizzi pubbliċi jibqgħu ffinanzjati tajjeb.

Hu għalhekk li għandna welfare state: li bejnietna nassiguraw solidarjetà, li min għandu aktar iħallas biex jingħata wens lil min għandu anqas. Navżaw lill-gvern għalhekk li hu d-dmir tiegħu li ma jikkastigax lil min hu fil-bżonn għax issa twaqqaf milli jagħmel flus minn attività illegali u immorali.