Id-direttiva taċ-Chairman tal-PBS Mark Sammut li kull suġġett u kull mistieden fuq kull programm ta’ attwalità tax-xandir pubbliku irid il-permess tal-management huwa insult lill-ġurnalisti u theddida għad-dritt tal-informazzjoni.

Quddiem din it-theddida, Repubblika kitbet lill-European Broadcasting Union dwar dan l-aġir kundanabbli minn stazzjon pubbliku imħallas mit-taxxi tal-poplu Malti.
Il-PBS mhuwiex la tal-gvern u lanqas tal-oppożizzjoni. Ix-xandir pubbliku mhux notice board tal-Gvern.

Dan il-mezz tax-xandir jappartieni lill-poplu malti, u għalhekk għandu d-dmir li jwassal informazzjoni u diskussjoni fuq l-attwalità lill-poplu b’mod ħieles u imparzjali. Huwa d-dover tiegħu li jkun dejjem pront biex joħloq dibattitu fattwali, meqjus u u oġġettiv fuq dak li qiegħed iseħħ fil-pajjiż u fid-dinja.

Din id-direttiva tmur kontra l-kunċett stess ta’ “attwalità”, u turi biċ-ċar kif il-liberta tal-mezzi tax-xandir għal komunikazzjoni ħielsa u bla xkiel qegħda tiġi mrażżna u fgata. Jidher ċar li min jidderieġi l-PBS mhuwiex qiegħed jaħseb fl-interess tal-poplu, iżda qiegħed jieħu passi li huma karatteristiċi ta’ pajjiż taħt dittatorjat.

Repubblika tikkundanna bil-qawwi din id-direttiva u tinsisti li din għandha tiġi irtirata minnufih.