L-Kummissarju tal-Pulizija
Kwartieri Ġenerali tal-Pulizija
Pjazza San Kalċidonju
Floriana FRN 1530
16 ta’ Frar 2021
Sur Kummissarju,
Illum jaħbat l-erbgħin xahar mill-assassinju ta’ Daphne Caruana Galizia.
Illum nixtiequ naqsmu miegħek il-preokupazzjoni kbira tagħna li s’issa l-ebda persuna mill-kamp politiku ma tressqet il-Qorti biex twieġeb għall-għemilha b’rabta ma’ dan il-qtil jew mal-korruzzjoni lampanti li ħakmet lill-pajjiżna u li kienet l-isfond għal dan l-assassinju.
Quddiem il-ġustizzja, ġew imressqa kriminali u tressqu persuni mill-kamp tan-negozju; iżda donnu li l-politiċi u dawk li jaħdmu fil-qrib magħhom huma intokkabbli.
Is-saltna tad-dritt tfisser li l-liġi hija suprema u li quddiem il-liġi kulħadd huwa indaqs.
Aħna ninsabu inkwetati li qed jikber ix-xettiċiżmu u li qed tiżdied l-attitudni ċinika li tqis li jinbidlu kemm jinbidlu l-affarijiet, kollox jibqa’ l-istess.
Irridu nemmnu li Malta wkoll kapaċi tkun stat ħieles u demokratiku fejn ħadd ma jgawdi impunità u kulħadd, mill-kbir saż-żgħir, inkluż min hu jew kien fil-ħajja politika, irid jagħti kont ta’ għemilu.
Repubblika determinata li tagħti l-kontribut tagħha favur dan.
Inselli għalik,

Dr Robert Aquilina
President