Qed nagħtu hawn ir-reazzjoni dettaljata tagħna għall-emendi kostituzzjonali proposti fl-Abbozz Nru 134.

Eks-Imħallfin jistgħu jsiru President

L-ewwel emenda sostantiva fl-Abozz tneħħi l-esklużjoni tal-imħallfin mill-possibbiltà li jinħatru President ta’ Malta. Ma naqblux ma’ din il-bidla. Hi l-fehma tagħna li biex tkun assigurata tassew l-indipendenza tal-ġudikatura m’għandu jkun hemm ebda inċentiv jew xi ħaġa li tista’ tiġi meqjusa bħala prestiġju jew premju għal wara li imħallef jirtira mill-kariga tiegħu.

Nemmnu li mhux talli imħallfin m’għandhomx jinħatru president, iżda li meta jirtiraw l-Imħallfin għandhom ikunu kkumpensati għal għomorhom mingħajr il-bżonn jew ix-xewqa li jiġu ingaġġati f’xi pożizzjoni eżekuttiva oħra fl-amministrazzjoni pubblika. Fil-fehma tagħna dan għandu jgħodd ukoll għall-maġistrati.

Din il-fehma mhix riflessjoni fuq il-kapaċitajiet tal-imħallfin. M’għandniex dubju li fosthom hemm min ikun president tajjeb bħal ma fuq kollox kien l-ewwel President ta’ Malta. Iżda biex il-ġudikatura tkun indipendenti u tkun tidher li hi indipendenti mill-gvern, m’għandux ikun possibbli li l-gvern j jippremja imħallfin wara li jirtiraw b’ħatriet fl-amministrazzjoni pubblika jew jikkastigahom billi jeskludihom minn ħatriet oħra.

Jidhrilna wkoll li l-Kostituzzjoni għandha taħseb biex ma jkunx possibbli għal persuni li kienu mħallfin jew maġistrati milli jikkontestaw għal xi pożizzjoni politika eletta.

Sezzjonijiet tal-Qorti Kostituzzjonali

Waqt li m’għandniex oġġezzjoni għall-ħolqien ta’ sezzjonijiet tal-Qorti Kostituzzjonali, m’aħniex konvinti li dawn l-emendi waħidhom se jkollhom l-effett li jtejbu l-effiċjenza tad-deċiżjonijiet ta’ din l-ogħla qorti tal-pajjiż. Ma jidher li qed isir xejn biex tiżdied l-ispeċjalizzazzjoni tal-imħallfin f’din il-qorti jew li jiżdiedu r-riżorsi li qed jingħatawlha.

Konsultazzjoni meta jinħatar Prim Imħallef ġdid

L-emenda tintroduċi fil-proċedura tal-ħatra ta’ prim imħallef ġdid l-obbligu fuq il-prim ministru li qabel jippreżenta nomina lill-parlament jikkonsulta lill-prim imħallef preċedenti (u lill-President ta’ Malta) dwar il-ħatra tas-suċċessur tiegħu.

Il-Kummissjoni Ewropea ilha s-snin tinsisti li biex tkun assigurata l-indipendenza tal-gudikatura din tkun involuta fl-għażla tal-president tagħha. Il-gvern iddikjara li qed idaħħal din il-bidla biex jissodisfa lill-Kummissjoni Ewropea.

Madanakollu nemmnu li din l-emenda m’għandhiex l-effett mixtieq li tassigura tassew l-indipendenza tal-ġudikatura għal dawn ir-raġunijiet:

Għalkemm hu minnu li parti mir-rwol ta’ prim imħallef hu li jirrapreżenta l-interess tal-ġudikatura, il-konsultazzjoni kif proposta tista’ tispiċċa ssir wara li l-prim imħallef ikun irtira u allura meta r-rwol tiegħu, inkluż l-obbligu li jirrappreżenta lil sħabu l-ġudikanti, ikun spiċċa. Dan tant hu minnu li bil-mod kif isiru l-affarijiet fil-preżent u aktar bl-emenda li se tippermetti li imħallef isir president, il-prim imħallef li jkun qed jirtira aktar se jkun qed jinnegozja x’se jiġri minnu wara li jirtira. Dan hu l-kontra ta’ li għandha tkun l-indipendenza tal-ġudikatura.

Barra minhekk, l-emenda f’dan l-abbozz ma tobbligax lill-prim ministru joqgħod għall-parir li jtih il-prim imħallef li jkun qed jirtira dwar l-għażla tas-suċċessur tiegħu. Jiġifieri anke b’din l-emenda l-fergħa leġislattiva qed iżżomm id-diskrezzjoni sħiħa li tagħżel lil min taħtar biex imexxi l-fergħa ġudizzjarja li suppost hi għal kollox indipendenti minnha.

Dan imur kontra l-parir ripetut tal-Kummissjoni Ewropea li qalet li Malta għandha ssegwi n-normi internazzjonali tal-indipendenza tal-ġudikatura kif sanċiti fir-Rakkomandazzjoni CM/Rec(2010)12 tal-Kumitat tal-Ministri tal-Kunsill tal-Ewropa li f’Artikolu 47 tgħid li fejn deċiżjonijiet dwar il-karrieri tal-imħallfin jittieħdu mill-fergħa leġislattiva, dawn għandhom isegwu l-parir li jtihom korp konsultattiv magħmul fil-parti l-kbira tiegħu minn imħallfin.[1] (emfasi tagħna)

Biex din l-emenda tissodisfa dan ir-rekwiżit, mhux biss il-prim ministru għandu jikkonsulta mal-prim imħallef preċedenti, iżda għandu jimxi mal-parir tiegħu.

Hi l-fehma tagħna li l-prim imħallef għandu jintgħażel bil-ħidma tal-Kumitat dwar il-Ħatriet tal-Ġudikatura, kif fuq kollox jintgħażlu l-imħallfin l-oħra kollha, mingħajr l-indħil tal-gvern u tal-Parlament.

Il-kandidati li ma jintgħażlux

Nifhmu li hi xewqa espressa minn membri tal-professjoni legali li ma jibqgħux jixxandru l-ismijiet ta’ dawk li kienu shortlisted għall-pożizzjoni vakanti ta’ mħallef jew maġistrat iżda ma ntgħażlux. Nifhmu li din l-emenda tirrifletti din ix-xewqa.

Nirreġistraw in-nuqqas ta’ qbil tagħna li titnaqqas it-trasparenza u l-kontabiltà pubblika fil-proċessi tal-għażla ta’ imħallfin u maġistrati ġodda jew il-promozzjoni ta’ maġistrati biex isiru mħallfin.

Ma nifhmux għalfejn xi ħadd għandu jħossu imbarazzat li kien ikkunsidrat iżda finalment mhux magħżul għal ħatra bħal din. Fl-istess waqt naraw li qed jitreġġa’ l-arloġġ lura għal żmien fejn id-deċiżjoni tal-president li jeskludi persuni minn fost kandidati shortlisted ma tkunx soġġetta għal skrutinju pubbliku.

Estensjoni l-età tal-irtirar

M’għandna ebda oġġezzjoni li tiġi estiża l-età tal-irtirar tal-imħallfin biex ikunu jistgħu jkomplu jagħtu servizz. Nemmnu li dan għandu jkun dritt ta’ kulħadd, mhux l-anqas tal-imħallfin.

Iżda meta naraw l-emendi nifhmu li l-estensjoni fl-età tal-irtirar magħmula b’din l-emenda mhix awtomatika, iżda ssir biss wara li l-imħallef japplika u ma tingħatalux bi dritt iżda fid-diskrezzjoni tal-Kummissjoni għall-Amministrazzjoni tal-Ġustizzja.

Dan l-element diskrezzjonali iġib ir-riskju li l-imħallef li jkun qrib l-età tal-irtirar ikollu mġiebtu kkondizzjonata mix-xewqa li l-Kummissjoni jkollha opinjoni favorevoli għall-applikazzjoni tiegħu għall-estensjoni tal-età tal-irtirar. Dan l-element diskrezzjonali jkompli jnaqqar l-indipendenza tal-ġudikanti.

Għalina dan mhux aċċettabbli. Soluzzjoni alternattiva li tneħħi dan l-element diskrezzjonali tkun li l-età tal-irtirar fil-Kostituzzjoni tiġi stabbilita li tkun ta’ 70 sena u jekk imħallef minn jeddu jkun jixtieq jirtira qabel jagħlaq is-70 sena imma wara l-età tal-irtirar preżenti ta’ 68 sena dan ikun jista’ jagħmlu mingħajr impatt fuq il-pensjoni tiegħu.

Infakkru wkoll li l-Kummissjoni hemm fiha avukati li jipprattikaw u jargumentaw quddiem l-istess imħallfin li mbagħad ikunu jridu mingħandhom il-barka biex ma jirtirawx kmieni. Dan ikompli jissottolinea l-bżonn ta’ diskussjoni ħolistika dwar il-Kostituzzjoni, mhux biċċa biċċa kif qed isir.

Estensjoni tal-perjodu tal-ewwel rapport tal-kumitat dwar l-etika

M’għandna ebda oġġezzjoni fil-prinċipju għal din l-emenda ħlief biex nagħmlu l-kumment ġenerali li s-soluzzjoni għal backlogs ta’ kawżi pendenti għandha tkun titjib fir-riżorsi biex ikunu riżolti fiż-żmien maħsub fil-liġi minflok is-soluzzjoni sempliċi li jittawwal iż-żmien maħsub fil-liġi.

Kummissarju għall-istandards

Nifhmu li l-Kummissjoni għall-Amministrazzjoni tal-Ġustizzja għandu jkollha r-riżorsi biex teżegwixxi l-funzjoni tagħha li teżerċita dixxiplina fuq il-membri tal-ġudikatura. Nifhmu wkoll li l-Kummissjoni m’għandha kważi ebda riżorsi finanzjarji u umani biex taqdi l-funzjoni tagħha.

Nilqgħu wkoll it-tibdil propost li l-pubbliku jerġa’ jkollu l-possibbiltà li jagħmel direttament lil xi ħadd (lill-Kummissarju) ilment dwar l-imġieba ta’ imħallfin jew maġistrati mingħajr il-bżonn tal-interċessjoni tal-Prim Imħallef jew il-Ministru tal-Ġustizzja.

Ninsistu iżda li għandu jkun hemm is-salvagwardji kollha biex il-ħatra ta’ Kummissarju għall-Istandards fil-Ġudikatura ma jkollhiex l-effett li tnaqqas l-indipendenza tal-ġudikant.

Biex dan isir nemmnu li l-Kummissjoni għall-Amministrazzjoni tal-Ġustizzja, meta tiddeċiedi materji ta’ dixxiplina tal-ġudikatura, m’għandhiex tinkludi fiha membri maħtura direttament mill-gvern jew mill-parlament. Hi l-fehma tagħna wkoll li r-rapport tal-Kummissarju dwar opinjoni preliminari ta’ mġieba ħażina ta’ ġudikanti m’għandux, kif inhu propost, jintbagħat lill-Ministru tal-Ġustizzja. Il-Kummissjoni għandha l-ewwel teżawrixxi l-proċess intern tagħha qabel tinforma bl-eżitu lill-Ministru tal-Ġustizzja. Hi l-fehma tagħna li l-uffiċjali kollha maħtura biex jassistu lill-Kummissjoni fil-qadi ta’ dmirijietha għandhom kollha jinħatru mill-Kummissjoni stess u mhux minn xi korp ieħor, partikolarment mhux mill-gvern.

L-emenda tgħid li l-Kummissarju “iwettaq analiżi” tal-case load li donnu jfisser li l-Kummissarju se janalizza l-effiċjenza tal-ġudikanti. Iżda minn hemm l-emenda ma tgħid xejn x’jista’ jagħmel il-Kummissarju jew xi ħadd ieħor jekk jirriżulta minn din l-analiżi li ġudikant mhux effiċjenti. B’din l-emenda l-gvern donnu jrid jissuġerixxi li d-dewmien fis-sistema ġudizzjarja tagħna ġej biss minn xi nuqqas ta’ produttività tal-imħallfin u l-maġistrati. Dan meta hu ċar li hemm nuqqasijiet kbar fir-riżorsi umani, finanzjarji u ta’ spazju fil-qrati tagħna u li huma fir-responsabbiltà tal-gvern li jindirizza, u mhux tal-imħallfin jew ta’ xi kummissarju mqabbad biex isus fuqhom.

L-emenda tgħid li r-rapport annwali tal-Kummissarju jsir lill-Kummissjoni u lill-Ministru tal-Ġustizzja. Hi l-fehma tagħna li r-rapport għandu jkun pubbliku anke jekk identifikazzjoni personali ta’ persuni li ma nstabux ħatja ta’ mġieba ħażina jkunu mneħħija mill-verżjoni ppubblikata tar-rapport.

Bdil fil-metodu tal-ħatra tal-Awditur Ġenerali

Għandna riservi naraw emenda li tikkonċerna l-Awditur Ġenerali imdeffsa f’abbozz ta’ liġi li jitratta l-ġudikatura. Din hi konfużjoni li mhix mixtieqa. Il-kariga ta’ ġudikant u l-kariga ta’ Awditur Ġenerali m’għandhomx u m’għandux ikollhom x’jaqsmu ma’ xulxin.

Din l-emenda toħloq anomalija għax tinjora l-fatt li l-Kostituzzjoni trid li jkun hemm ukoll Deputat Awditur Ġenerali. Din il-pożizzjoni, u l-mod kif il-Kostituzzjoni taħseb li timtela’, teżisti biex taħseb għall-kontinwità anke f’ċirkostanzi fejn ma jkunx hemm qbil dwar il-ħatra tal-Awditur Ġenerali li jmiss.

Imħassbin li din hi anomalija li qed tiddaħħal b’mod konxju mill-gvern u nirreġistraw in-nuqqas ta’ qbil tagħna magħha. Nargumentaw li għandha ssir diskussjoni speċifika dwar l-Uffiċju Nazzjonali tal-Verifika u taż-żewġ karigi kostituzzjonali tal-Awditur Ġenerali u tad-Deputat Awditur Ġenerali biex l-emendi li jsiru ma jkunu qatt ta’ periklu għall-importanza vitali ta’ din l-istituzzjoni għall-governanza ta’ pajjiżna.

Emenda Minuri

M’għandniex oġġezzjoni għall-emenda li qed issir għall-Artikolu 41 (5) tal-Kostituzzjoni.

Konklużjoni

Repubblika ttenni l-fehma tagħha li l-emendi biċċa biċċa tal-Kostituzzjoni qed jheddu l-bilanċ ta’ governanza demokratika ta’ Malta. Intennu għalhekk l-appell tagħna li l-Konvenzjoni Kostituzzjonali mwegħda mill-partit fil-gvern fl-2012 tissejjaħ biex tiddiskuti pakkett ta’ riformi kostituzzjonali maqbul li jġedded id-demokrazija tagħna u li fost oħrajn iħares u jsaħħaħ l-indipendenza tal-ġudikatura.


[1]47. However, where the constitutional or other legal provisions prescribe that the head of state, the government or the legislative power take decisions concerning the selection and career of judges, an independent and competent authority drawn in substantial part from the judiciary (without prejudice to the rules applicable to councils for the judiciary contained in Chaoter IV) should be authorised to make recommendations or express opinions which the relevant appointing authority follows in practice.