Repubblika tesprimi l-kritika tagħha għall-fatt li l-partit tal-Oppożizzjoni Parlamentari, bi ksur tal-liġi elettorali, mhux jippubblika l-kotba finanzjarji tiegħu. Il-pubblikazzjoni tal-kotba finanzjarji tal-partiti politiċi hi għodda importanti ta’ trasparenza li tippermetti s-sorveljanza ċivika tal-imġieba tal-partiti u għodda kontra l-korruzzjoni.
L-istess bħal ma nikkritikaw id-deċiżjoni tal-Prim Ministru Robert Abela li ma jippubblikax id-dikjarazzjonijiet tal-assi u tad-dħul tiegħu u tal-ministri tal-gvern, nikkritikaw dan in-nuqqas ta’ trasparenza mill-partit tal-Oppożizzjoni.
Ma nifhmux għalfejn dan jibqa’ jiġri sena wara sena mingħajr konsegwenza.
U m’aħniex konvinti mill-ispjegazzjoni li qed tingħata li n-nuqqas ta’ pubblikazzjoni tal-assi hu tort ta’ awditur. L-obbligu tal-pubblikazzjoni tal-kotba finanzjarji verifikati hu fuq il-partit politiku u hu dmir il-partit politiku jara li jkollu awdituri li jagħmlu xogħolhom f’waqtu.
Nappellaw biex din is-sitwazzjoni tiġi rettifikata fl-anqas żmien u li sakemm tkun indirizzata l-problema tal-verifika, il-Partit Nazzjonalista għandu fis jippubblika l-kotba mhux verifikati.
Għandna dritt nippretendu xejn anqas minn kull partit politiku.