L-aħbar mill-qorti li Joseph Muscat ħassar il-kontenut tat-telefon tiegħu qabel il-pulizija ġabruhulu fil-kuntest ta’ qorti mhix prova tal-ħtija tiegħu. Imma fil-kuntest politiku ta’ prim ministru li seraq tlett sptarijiet tal-poplu Malti, Joseph Muscat jikkundanna lilu nnifsu.

Ma ninsewx li wara li ħassar il-kontenut tat-telefon tiegħu, Joseph Muscat irrifjuta li jagħti l-pin number tat-telefon lill-pulizija.

Dan juri numru ta’ affarijiet:

Li Joseph Muscat jitratta lill-pulizija u lill-istituzzjonijiet tal-pajjiż b’disprezz;

Li Joseph Muscat ibbenefika minn leaks illegali mill-inkjesta maġisterjali li kienet qed tistħarrġu u li tatu ċans iħassar il-provi;

Li s-sors ta’ dawn il-leaks lil Joseph Muscat huma aktarx fil-korp tal-pulizija;

Li Joseph Muscat kellu x’jaħbi u beża’ li jekk ma jħassarx il-provi minn fuq it-telefon tiegħu kien isofri konsegwenzi serji.

Dan l-episodju jikkonferma wkoll li l-ġlieda kontra l-korruzzjoni teħtieġ ir-riżorsi kollha possibbli biex tiġġieled il-ħażen tal-kriminali. It-tneħħija tal-aċċess taċ-ċittadini li jitolbu lill-maġistrati jagħmlu inkjesti partikolarment fejn il-pulizija tirrifjuta li tinvestiga jkompli jżarma l-għodda foqra tal-istat Malti biex jagħmel din il-ġlieda.

Intennu l-appell tagħna lill-gvern li jirtira l-Abbozz 125 u nsejjħu lill-persuni kollha ta’ rieda tajba jseħbuna fil-protesta tas-6 tal-lejla quddiem il-Parlament.