L-għada li l-Parlament neħħa d-dritt taċ-ċittadini li jitolbu inkjesta maġisterjali, sirna nafu li Robert Abela jrid ineħħi jew inaqqas id-dritt taċ-ċittadini li jitolbu stħarriġ dwar l-imġieba li mhix etika mill-ministri u tal-persuni fil-ħajja pubblika.

Fi stqarrija intimidatorja li għamel il-Prim Ministru f’ittra lill-Kummissarju għall-Istandards fil-Ħajja Pubblika huwa qal li jrid jibdel il-liġi biex jikkastiga lil min jitlob investigazzjonijiet li hu sejjaħ frivoli.

Repubblika tapprezza li l-Kummissarju għall-Istandards widdeb lill-Prim Ministru ma jreġġax l-arloġġ lura u jnaqqas mid-drittijiet li l-liġi tagħti liċ-ċittadini.

Madanakollu nafu li meta l-prim ministru joħlom li jneħħi dritt taċ-ċittadin mhu se jiddejjaq xejn. F’anqas minn erba’ xhur għamel liġi li neħħielna d-dritt li nitolbu inkjesta maġisterjali.

Robert Abela jrid iwaqqaf dan kollu biex jipproteġi lilu nnifsu u ‘l sħabu fit-taħwid li jħawdu.

Niftakru li Robert Abela diġà bagħbas din il-liġi meta neħħa l-bżonn tal-qbil tal-Oppożizzjoni fl-għażla tal-Kummissarju biex ikun jista’ jaħtar lil min irid. Iżda sfortunatament għalih il-persuna li ħatar, irriżulta difensur denju tal-liġi, tal-etika, u taċ-ċittadini u ma daħalx f’qoxortu għax heddu Robert Abela. Dan il-kuraġġ jixraqlu r-rispett u l-apprezzament taċ-ċittadini onesti.

Allura issa Robert Abela iddikjara li se jerġa’ jabbuża mill-maġġoranza Parlamentari tiegħu biex jibdel il-liġi għall-benefiċċju personali tiegħu u ta’ sħabu. Aħna ddiżappuntanti li l-ebda Membru Parlamentari mill-Gvern m’għandu s-sinsla li jieqaf għal dan it-tnawwir tad-demokrazija. Ilkoll qed jieħdu sehem biex jitneħħilna d-dritt li nkunu ggvernati minn nies li jġibu ruħhom skont standards etiċi.