Repubblika tesprimi tħassib dwar l-aħbar li l-gvern qed jaħseb biex iqabbad dak li qed jissejjaħ “Czar” biex jgħasses fuq l-imġieba tal-imħallfin u l-maġistrati. Dan l-aktar meta naqraw li qed tiġi kkontemplata riforma Kostituzzjonali b’impatt possibbli fuq l-indipendenza tal-ġudikatura fil-kuntest ta’ diskussjonijiet privati mal-imħallfin dwar id-data tal-irtirar tagħhom.

Hu prinċipju sagrosant tat-tħaddim tad-demokrazija li l-ġudikatura tkun indipendenti minn kull indħil u sorveljanza tal-friegħi istituzzjonali l-oħra: kemm tal-gvern kif ukoll tal-Parlament. It-tneħħijja tal-poter li kellu l-Parlament li jkeċċi ‘l-imħallfin kienet pass importanti fis-salvgwardja tas-separazzjoni tal-poteri.

Huma biss il-ġudikanti li għandu jkollhom il-poter jissorveljaw l-imġieba u d-dixxiplina tal-ġudikanti. M’għandu jkun hemm ħadd imqabbad minn xi ħadd jew xi wħud barra l-ġudikatura li jkollu l-poter jiddixplina lill-imħallfin. U f’demokrazija m’hemmx post għal “czar” biex jaħkem fuq l-imħallfin.

Dan mhux xi privileġġ. Din hi protezzjoni meħtieġa għaċ-ċittadini kollha li l-imħallfin li jiddeċiedu l-kawżi tagħhom, ikunu indipendenti minn kull gvern jew qawwa oħra barra l-qorti u indipendenti minn kull theddida ta’ xi konsegwenza jekk ma jiddeċidux kif jixtieq il-gvern jew xi politiku ieħor.

F’imġiebtu l-gvern diġà spiss jintimida lill-ġudikanti li jieħdu deċiżjonijiet li ma jogħġbuhx. Permezz ta’ rimarki li għamel direttament il-Prim Ministru Robert Abela u permezz ta’ kampanji fuq mezzi medjatiċi li jikkontrolla l-gvern, saret u qed issir pressjoni fuq il-ġudikanti biex ikunu suġġetti għar-rieda tal-gvern. F’dan il-kuntest ma nistgħux ma ninkwetawx li l-gvern qed jitkellem fuq manuvri li se jkollhom l-effett li jnaqqsu l-poteri tal-Kummissjoni għall-Amministrazzjoni tal-Ġustizzja, tal-President tal-Qorti, u l-indipendenza tal-imħallfin u l-maġistrati.

M’hemmx dubju li kull poter li jingħata lil kull uffiċjal tal-istat għandu jkollu marbuta miegħu miżuri ta’ sorveljanza biex jassiguraw li ħadd ma jaġixxi ‘l fuq mil-liġi jew ‘il barra mill-etika. L-imħallfin u l-maġistrati mhumiex eċċezzjoni.

Imma naraw ironiku għall-aħħar il-fatt li l-Prim Ministru Robert Abela u politiċi oħra qed jinjoraw u jaġixxu b’disprezz fil-konfront tal-Kummissarju għall-Istandards fil-Ħajja Pubblika li jgħasses skont il-liġi fuq l-imġieba tiegħu u tagħhom, waqt li l-Prim Ministru hu aktar inkwetat fuq l-imġieba ta’ uffiċjali tal-istat (bħall-imħallfin u l-maġistrati) li suppost mhumiex fil-kontroll tiegħu.

Nappellaw lill-gvern jippubblika White Paper dwar ir-riformi li qed jikkontempla biex issir konsultazzjoni pubblika effettiva. Mhux biżżejjed li jsiru diskussjonijiet wara bibien magħluqa mal-ġudikanti qisu l-indipendenza tal-ġudikatura hi materja li tinteressa lilhom biss. Tinteressa lill-pubbliku kollu u ebda diskussjoni dwar l-amministrazzjoni tal-ġustizzja m’għandha tkun parti minn negozjati dwar il-pensjonijiet jew il-kundizzjonijiet tax-xogħol tal-imħallfin.

Nappellaw allura wkoll lill-ġudikatura li tipparteċipa b’mod pubbliku f’din id-diskussjoni u tkun hi wkoll difensur responsabbli tal-awtonomija tagħha mingħajr biża’ dwar kif il-pożizzjoni tagħha tista’ tiżvantaġġja negozjati dwar id-data tal-irtirar tal-membri tagħha jew xi kundizzjoni oħra tal-kumpens għall-ingaġġ tagħhom.

Finalment intennu l-appell tagħna għal Konvenzjoni Kostituzzjonali li ilha mwiegħda mill-Partit fil-Gvern għal 12-il sena, liema wegħda qatt ma twettqet waqt li l-Kostituzzjoni kompliet titnaqqar biċċa biċċa.