Id-deċiżjoni tal-Prim Ministru li jaħtar bħala Segretarju Permanenti fl-Uffiċċju tiegħu uffiċjal pubbliku li jinsab taħt att ta’ akkuża ta’ diversi reati kriminali serji li allegatament wettaq b’abbuż tal-awtorità pubblika li kellu, tammonta għal disprezz lejn l-Avukat Ġenerali u lejn il-qorti li għad trid tiddeċiedi dwar l-akkużi li qed jiffaċċja.
Il-Prim Ministru Robert Abela f’rimarki pubbliċi li għamel ilbieraħ esprima ġudizzju fuq il-prosekuzzjoni li qed jiffaċċja dan l-individwu flimkien ma’ ħafna oħrajn, ewlieni fosthom l-eks prim ministru Joseph Muscat. Robert Abela għamel dak li ddeskriva bħala evalwazzjoni tal-prosekuzzjoni li qed tagħmel l-Avukat Ġeneral u wasal għal ġudizzju fuq każ li għad baqgħalu x-xhur u s-snin biex jinstema’.
Hu tassew tmiem is-separazzjoni tal-poteri u tad-demokrazija meta l-Prim Ministru b’mod sommarju jiddeċiedi fuq il-ħtija jew l-innoċenza kriminali tal-ħbieb tiegħu, flok dan ma tagħmlu l-qorti kif imiss.
Fortunatament minkejja l-ġudizzju prematur u inkompetenti tal-Prim Ministru, il-proċeduri kontra Joseph Muscat u sħabu ma jieqfux hawn.
Hu għalhekk doppjament abbużiv li Robert Abela ħatar f’uffiċċju pubbliku persuna taħt att ta’ akkuża ta’ reati serji allegatament imwettqa b’abbuż t’uffiċċju pubbliku. Din mhix biss ironija. Dan hu disprezz lejn is-servizz pubbliku wkoll.
L-uffiċċju ta’ segretarju permanenti hu pożizzjoni kostituzzjonali. Kull min jokkupa dak l-uffiċċju hu mistenni jimxi mal-valuri tal-Kostituzzjoni li fil-qiegħ tagħhom hemm ir-rispett lejn is-saltna tad-dritt. Barra dan, il-figura ta’ segretarju permanenti tirrappreżenta lill-governanza ta’ pajjiżna. Hi kontradizzjoni li mhix aċċettabbli li wieħed ikun f’uffiċċju bħal dan waqt li qed iwieġeb għal akkużi kriminali serji.
L-individwu kkonċernat għamel sew meta rriżenja mill-pożizzjoni li kellu meta ġie akkużat. Minn dakinhar ‘l hawn spiċċa taħt att t’akkuża u allura hu anqas milli qatt kien xieraq li jkun segretarju permanenti fl-amministrazzjoni Maltija.
M’hemmx dubju li b’dan l-att Robert Abela qed jeżerċita pressjoni illeġittima fuq il-qrati biex jiddeċiedu kif irid hu u biex iħallu lil Joseph Muscat u lill-klikka tiegħu mingħajr konsegwenza tal-korruzzjoni gravi li huma akkużati li wettqu.