📷 Ivan Martin, Times of Malta

Fl-aħħar bdiet il-prosekuzzjoni tal-ministri u l-uffiċjali għolja tal-gvern li allegatament ixxaħħmu, tan-“negozjanti” li allegatament xaħħmuhom, u tal-“professjonisti” li allegatament organizzawlhom waħda mill-akbar serqiet li qatt twettqu a spejjeż taċ-ċittadini ordinarji Maltin.

Il-persuni kollha akkużati jgħidu li mhumiex ħatja.

L-iskandlu ilu magħna minn Frar 2016 meta rrappurtat għall-ewwel darba dwaru Daphne Caruana Galizia. Ilna nafu b’dan id-delitt gravi disa’ snin sħaħ. Disa’ snin ilu, il-pulizija m’għamlu xejn għax ma ridux idejjqu nies b’poter politiku u b’riżorsi finanzjarji kbar.

F’Lulju 2017 – wara 17-il xahar ta’ stennijja li l-pulizija jagħmlu xi ħaġa – l-allura Kap tal-Oppożizzjoni Simon Busuttil mar il-qorti u talab li tibda inkjesta maġisterjali.

Kien biss f’Settembru 2018 – 31 xahar wara r-rivelazzjonijiet li għamlet Daphne Caruana Galizia – li l-pulizija iddeċidew li jitolbu maġistrat biex tinfetaħ inkjesta. Infakkru li qabel tibda inkjesta ma jistgħux jinġabru provi li mbagħad ikunu jistgħu jintużaw fil-prosekuzzjoni ta’ xi ħadd u li allura dak il-ħin kollu mitluf hu ta’ żvantaġġ għall-kapaċità tal-istat li jilħaq il-kriminali.

Nawguraw il-kuraġġ lill-prosekuturi u l-ġudikanti li se jkunu qed jaħdmu f’dan il-każ.

Fl-istess waqt infakkru li għalkemm hu dritt tagħna ninsistu li l-istituzzjonijiet tal-istat jagħmlu xogħolhom dejjem u li l-pulizija m’għandhomx jiddejjqu jinvestigaw u jakkużaw kriminali għax għandhom poter politiku jew għax għandhom ħafna flus, hu d-dmir tagħna li meta l-istituzzjonijiet ifallu nużaw il-mezzi kollha li ttina l-liġi biex nassiguraw li xorta ssir ġustizzja. F’dan il-każ il-liġi tat liċ-ċittadini ta’ rieda tajba d-dritt li jitolbu inkjesta maġisterjali meta l-pulizija ma talbuhiex.

Hu għalhekk li ntennu li bil-liġi l-ġdida li jrid jagħmel il-gvern ma kienx ikun possibbli li sseħħ din il-prosekuzzjoni.

Jagħmel ħażin il-gvern iċaħħaddna minn dritt li hu bil-provi għodda importanti biex f’pajjiżna tassew isaltan id-dritt u mhux il-bullijiet li tressqu l-qorti llum. Se nfakkruh bl-oġġezzjoni tagħna fi protesta fil-Belt Valletta nhar il-Ħadd 16 ta’ Frar 2025 fl-4pm. Inħeġġu liċ-ċittadini ta’ rieda tajba jkunu magħna.