Repubblika tikkundanna l-kampanja ta’ miżinformazzjoni u diżinformazzjoni li għaddej biha l-Prim Ministru Robert Abela biex jikkonvinċi lil kulħadd li t-tneħħija jew it-tnaqqis tad-dritt li tintalab inkjesta maġisterjali hu fl-interess pubbliku.
Nirreferu għal rimarki li għamel il-prim ministru u ngħidu li ġej:
- Il-Prim Ministru qal li jrid jagħmel riforma “ħolistika” billi jibdel kif jitqabbdu l-esperti tal-qorti u kif il-vittmi jingħataw informazzjoni dwar dak li jkun qed jiġri wara l-kwinti. Aktar ma tkun “ħolistika” ir-riforma aktar teħtieġ konsultazzjoni pubblika biex il-klijenti tas-sistema ġudizzjarja (il-vittmi tar-reati, iċ-ċittadini onesti kollha, il-ġudikanti u l-professjonisti li jaħdmu fis-sistema) ikollhom l-opportunità jgħidu lill-gvern x’qed jagħmel tajjeb u x’qed jagħmel ħażin. Minflok jidher li l-gvern li jrid jipproteġi lill-korrotti qed idaħħal fil-liġi li tneħħi d-dritt liċ-ċittadini li jitolbu inkjesta, affarijiet oħra li kulħadd fil-prinċipju jaqbel magħhom. Dan biex ixejjen l-oġġezzjonijiet għall-viljakkeriji li jrid jagħmel.
- Il-Prim Ministru qal li jrid iwaqqaf lin-nies li qed “jabbużaw” mis-sistema u jkaxkru lil nies innoċenti minn “kalvarju ta’ proċessi ġudizzjarji għal xejn”. Din hi gidba sfaċċata. L-“abbużaturi” f’din it-teżi ta’ Robert Abela huma ċ-ċittadini bħalna li talbu li jsiru inkjesti meta l-pulizija m’għamlu xejn. Iċ-ċittadini llum għandhom biss id-dritt li ssir inkjesta. M’għandhom ebda dritt jibdewha huma. Dik id-deċiżjoni jeħduha l-maġistrati u anke meta jeħduha, il-persuna indikata għandha d-dritt għall-appell quddiem imħallef. Apparti hekk lanqas il-maġistrat li jagħmel l-inkjesta m’għandu d-dritt jibda proċessi ġudizzjarji. Dik id-deċiżjoni hi biss tal-Avukat Ġenerali li għandu awtonimija sħiħa fid-deċiżjoni li jieħu. Jekk hemm “kalvarju ta’ proċessi ġudizzjarji għal xejn” (li ma nemmnux li hemm) l-abbuż ġej mill-Avukat Ġenerali mhux miċ-ċittadini.
- Il-Prim Ministru qal li “rajna din l-għodda tintuża biex jitwettqu inġustizzji”. Liema inġustizzji twettqu? Għal xiex qed jirreferi l-prim ministru? Jekk kienu inġusti t-talbiet għal inkjesti li ma ntlaqgħux, il-fatt li ma ntlaqgħux assigura li ma saret ebda inġustizzja. Jekk il-prim ministru qed jgħid li huma inġusti dawk l-inkjesti li fil-fatt saru u wasslu għall-prosekuzzjoni, il-prosekuzzjoni bdiet għax riditha l-Avukat Ġenerali u l-persuni akkużati, waqt li preżunti innoċenti, qed jiddefendu rwieħhom fil-qrati.
- Il-Prim Ministru jilmenta li ntefqu ħdax-il miljun ewro fl-inkjesta tal-Vitals, flus li bihom stajna bnejna skola. Dan hu argument għal kollox fażull. Jekk nagħlqu l-ħabs u nibgħatu l-qattiela u l-ħallelin id-dar jibqgħalna ħafna flus biex nibnu ħafna skejjel. Imma nkunu qed ngħixu f’soċjetà inġusta fejn min hu l-aqwa jħawwel. Fl-iskandlu tal-Vitals il-gvern ħela €400 miljun. Kienu jinbnew ħafna skejjel kieku l-ministri u l-uffiċjali pubbliċi ma nxtrawx.
- Il-Prim Ministru qed jgħid li min jitlob inkjesta għandu jġib aktar provi biex jiġġustifika li tinfetaħ. Din hi assurdità intenzjonata biex toqtol l-iskop tad-dritt taċ-ċittadini li jitolbu inkjesta. Ix-xogħol li jinġabru provi ta’ reat mhux taċ-ċittadini imma tal-istituzzjonijiet. Sakemm (kif hemm diġà) ikun hemm salvagwardji kontra li xi ħadd jigdeb meta jagħmel rapport falz u għandu jkun hemm (kif hemm diġà) kriterji ta’ kif turi suspett raġjonevoli ta’ reat, ir-responsabbiltà li jinġabru l-provi għandha tkun tal-maġistrat inkwirenti assistit mill-esperti li jqabbad.
- Il-Prim Ministru iddeskriva lil persuni akkużati fil-qorti b’illegalitajiet fil-każ tal-Vitals li kienu Segretarji Permanenti tal-gvern bħala eżempji tal-vittmi innoċenti tal-abbuż tas-sistema tal-inkjesti. Isemmi b’isimhom lil Alfred Camillleri u Joseph Rapa. Dwar dawn nistqarru:
a. Dawn il-persuni ġew akkużati fil-qorti mill-Avukat Ġenerali, mhux minn xi maġistrat inkwirenti jew aktar u aktar minna ta’ Repubblika li tlabna inkjesta dwar l-isptarijiet. Meta l-prim ministru jattakka l-prosekuzzjoni tagħhom ikun qed jattakka d-deċiżjoni tal-Avukat Ġenerali u b’dik l-iskuża jneħħi d-dritt taċ-ċitaddini li jitolbu inkjesta.
b. Repubblika – li talbet l-inkjesta tal-Vitals – indikat tliet persuni bħala suspettatti fil-korruzzjoni tal-isptarijiet. Tnejn minnhom – Edward Scicluna u Keith Schembri – kienu fost dawk indikati mill-maġistrat inkwirenti bħala suspettati u akkużati fil-qorti mill-Avukat Ġenerali. It-tielet wieħed ma kienx indikat mill-maġistrat inkwirenti bħala suspettat u ma ġralu xejn. L-akkużi lil Camilleri u Rapa ma sarux b’inizjattiva ta’ Repubblika li frankament ma semmiethom qatt. L-akkużi kontrihom ġew minn evidenza li nstabet fl-inkjesta u mill-inkjesta, li hi xi ħaġa għal kollox normali fil-kors ta’ investigazzjoni kriminali.
c. Meta jitkellem hekk fuq persuni akkużati quddiem il-Qorti, Robert Abela qed jippreġudika l-każ tal-istat u qed jagħmel pressjoni fuq il-ġudikatura biex tiddeċiedi kif jaqbel lilu. Dan hu oltraġġ fuq l-indipendenza tal-ġudikatura (u tal-Avukat Ġenerali) li mhux aċċettabbli f’demokrazija.
Din hi materja kumplessa u importanti għall-ġlieda ta’ pajjiżna kontra l-korruzzjoni. Ir-riżorsi ta’ Malta li tiġġieled il-korruzzjoni kif inhuma, diġà fjakki. Il-gvern m’għandu jagħmel xejn biex ikompli jherrihom. Intennu għalhekk l-appell tagħna għal White Paper u konsultazzjoni effettiva dwar ir-riformi li jrid jagħmel il-gvern.