IL-GVERN GĦANDU JIEQAF JINTIMIDA LILL-ATTIVISTI LI JIĠĠIELDU L-KORRUZZJONI

Repubblika tesprimi d-dispjaċir tagħha għar-rimarki kattivi tal-Prim Ministru Robert Abela li żied mat-theddida reali lil Jason Azzopardi.

Jason Azzopardi ngħata mill-pulizija miżuri bażiċi ħafna ta’ sigurtà minħabba li fil-fehma tal-pulizija teżisti theddida reali għall-ħajja u s-sigurtà tiegħu. Din it-theddida lil Jason Azzopardi ngħatatlu minħabba x-xogħol li jagħmel kontra l-korruzzjoni.

Wara l-kelliem tal-Partit Laburista Emmanuel Cuschieri, il-Prim Ministru Robert Abela żżuffjetta bir-riskju għas-sigurtà ta’ Jason Azzopardi u, agħar minhekk, issuġġerixxa li Jason Azzopardi ngħata xi privileġġ, xi rigal li ta’ min jgħir għalih u li ħadu bħala xi premju mhux mistħoqq għax il-pulizija beżgħet mill-kritika tiegħu.

F’demokrazija l-gvern għandu d-dmir jipproteġi lil dawk li jikkritikawh. Il-gvern qed jagħmel l-oppost, qed ikun hu li jżid l-intimidazzjoni u jxewwex il-mibgħeda tan-nies kontra l-attivisti tas-soċjetà ċivili li jiġġieldu l-korruzzjoni. Din hi l-atmosfera li inkjesta pubblika ddeskriviet u ddokumentat meta sabet lill-gvern responsabbli għall-mewt ta’ Daphne Caruana Galizia.

Repubblika tesprimi solidarjetà sħiħa ma’ Jason Azzopardi.