Hu tassew ta’ tħassib li l-Prim Ministru Robert Abela jirrepeti l-viljakkeriji li waqqgħu lill-predeċessur tiegħu.
Issa li hu dokumentat li l-Ministru Clayton Bartolo seraq flus pubbliċi biex daħħalhom f’butu u l-Ministru Clint Camilleri għenu, l-inqas ħaġa li seta’ ġara kien li jirreżenjaw. Meta rrifjutaw li jirriżenjaw, il-Prim Ministru Robert Abela kellu jkeċċihom. Minflok żammhom hemm u ggarntilhom l-impunità. Anke meta Clayton Bartolo ammetta li għamel ħażin għax ma kien għad baqa’ ebda dubju li hekk għamel, kulħadd żamm postu u kulħadd żamm il-flus li seraq qisu qatt ma ġara xejn.
F’kummenti lill-istampa biex jiddefendi lill-ministri ħallelin, il-Prim Ministru Robert Abela attakka lil Repubblika għax talbet lill-pulizija tinvestiga dan is-serq iddokumentat. Biex jiskreditana u jneħħilna d-dritt ċiviku li nfittxu l-azzjoni tal-istituzzjonijiet sejħilna “fergħa tal-PN”, u minkejja li r-rapport tagħna kien imsejjes fuq il-konklużjonijiet tal-Kummissarju tal-Istandards, Robert Abela akkużana bir-reat li għamilna “rapport falz”.
Għax akkużajna lill-ministri li serqu l-flus, xi ħaġa li Clayton Bartolo ammetta hi frott l-imperfezzjoni tiegħu, Robert Abela qal li wżjana “ton ta’ mibgħeda” u li qed infittxu biex “strateġikament neqirdu lill-ministri tal-gvern b’mod personali”.
Separatament, il-kelliem Laburista Emanuel Cuschieri reġa’ għamel appell fil-medja biex l-istat jikkastiga lill-avukat tagħna Jason Azzopardi talli rrappreżentana fid-denunzja li għamilna lill-pulizija billi jneħħilu s-sigurtà li ttih il-pulizija minħabba theddid lill-persuna u l-ħajja tiegħu.
Nikkonstataw dan li ġej:
- Nistmerru l-korruzzjoni li fost il-forom tagħha hemm is-serq ta’ flus pubbliċi għal gwadann privat. Fejn nafu li dan jiġri niddenunzjawh irrispettivament minn jekk il-ħalliel li jinqabad jieħux pjaċir bina jew le.
- Min ma jiġġilidx il-korruzzjoni, korrott ukoll. Il-mezzi tagħna huma limitati imma nużawhom kollha. Għandna dritt bħala ċittadini nitolbu lill-pulizija jieħdu azzjoni u dak id-dritt neżerċitawh b’responsabbiltà. Il-Prim Ministru għandu dmir ikeċċi lill-ministri li jinqabdu jisirqu u d-dmir tiegħu ma wettqux.
- Is-soċjetà ċivili għandha funzjoni importanti f’soċjetà demokratika biex tgħasses fuq in-nies fil-poter, tiddenunzja l-korruzzjoni u tieħu l-azzjoni kollha li tippermettilha l-liġi biex min jinqabad ifotti jħallas t’għemilu. Billi Robert Abela jsejħlina “fergħa tal-PN” u billi jimmobilita lis-sostenituri tiegħu biex jobgħoduna, m’aħniex b’daqshekk se nisktu.
- Kulħadd, inkluż aħna ta’ Repubblika, għandna d-dritt nikkonsultaw l-avukati tal-fiduċja tagħna u l-intimidazzjoni lejhom u t-theddid vjolenti fuqhom tal-kelliema tar-reġim huma oltraġġ ta’ dak id-dritt. Xorta m’aħniex intimidati. Imma nżommu lill-Prim Ministru Robert Abela responsabbli għall-konsegwenzi tal-intimidazzjoni li qed jimmobilita kontrina u kontra min jirrapreżentana.