Intennu s-sogħoba tagħna meta nerġgħu naraw il-Kostituzzjoni ta’ Malta tinbidel bil-biċċa mingħajr ebda forma ta’ diskussjoni pubblika, mingħajr konsultazzjoni u mingħajr ebda sforz biex jintlaħaq qbil dwar kif jinbidlu r-regoli fundamentali tad-demokrazija tagħna.
Il-Kostituzzjoni hi aktar importanti minn sempliċi test legali. Mhix bħal liġijiet oħra. Il-Kostituzjoni hi strument ċiviku u patt demokratiku. Hi l-ġebla tax-xewka tar-repubblika fejn hemm maħsuba r-regoli dwar kif taħdem id-demokrazija. Tirrapreżenta impenn reċiproku bejn l-istat u ċ-ċittadini biex tintradd ġustizzja, tkun garantita l-libertà u jitħares il-ġid komuni.
Minkejja dan, ilbieraħ, bħal ma ġara diversi drabi f’dawn l-aħħar snin, il-gvern bagħbas il-Kostituzzjoni mingħajr ebda forma ta’ djagolu fil-ħajja pubblika Maltija.
Naqblu li l-Kostituzzjoni għandha tkun ittrattata bħala xi ħaġa ħajja u li għandha tinbidel biex tkun dejjem rilevanti għaż-żminijiet. Iżda nfakkru li ċ-ċittadini, is-soċjetà ċivili, il-mezzi tal-komunikazzjoni, u l-istituzzjonijiet akkademiċi għandu jkollhom rwol fil-ħsieb dwar kif għandha tinbidel l-għamla tal-Kostituzzjoni tagħna.
It-tiġdid tal-Kostituzzjoni m’għandux ikun eżerċizzju li jwettaq il-gvern mingħajr kas ta’ ħadd. Għandu jkun eżerċizzju demokratiku biex Malta tkun tassew repubblika demokratika.