Ilbieraħ il-Maġistrat Nadine Lia tat digriet li fih irreferit għas-seduta ta’ 40 sekonda li għamlet nhar il-15 ta’ Settembru li għadda fil-kawża ta’ challenge li Repubblika qed tagħmel kontra l-Kummissarju tal-Pulizija biex jieħu passi kontra l-persuni kollha indizjati fl-Inkjesta tal-Bank Pilatus.

Meta qrajna d-Digriet tal-Maġistrat bqajna ixxukkjati. Id-Digriet fih bosta affermazzjonijiet tal-Maġistrat Lia li assolutament ma jikkorrispondux għall-verità tal-fatti li rajna jiġru quddiem għajnejja u li għexna waqt dik is-seduta.

Għaldaqstant illum daħħalna nota fl-atti tal-kawża li Nadine Lia qed tippressjedi. Barraminhekk flimkien man-nota preżentajna affidavits ta’ Dr Robert Aquilina, Alessandra Dee Crespo u Manuel Delia li fihom dawn il-persuni taw rendikont dettaljat bil-ġurament tagħhom ta’ dak li verament ġara waqt u wara l-imsemmija seduta. Dan jikkuntrasta ferm mal-kontenut tad-Digriet tal-Maġistrat Nadine Lia tal-bieraħ.

Preżentajna wkoll kopji tar-rapporti tal-online portals tal-Maltatoday, Newsbook u Times of Malta, li kellhom il-gurnalisti tagħhom preżenti fl-awla. Dawn ilkoll rrapurtaw li l-Avukat Jason Azzopardi fil-fatt indika u qal lill-Qorti li xtaq jagħmel verbal appena l-Qorti kienet waqfet taqra dak li kienet ippreparat skond l-art 10 tal-Kap.12, imma kien imsikket mill-Qorti waqt li l-Qorti irribadiet li l-kawża kienet laħqet ġiet differita għas-27 t’Ottubru 2022.

Jiddispjaċina li l-Maġistrat Nadine Lia addottat dan il-komportament li mhux denju ta’ sistema ġudizzjarja f’soċjetà demokratika. Għandna quddiemna ġudikant li qed ikun ostili lejna. Issa saħansitra l-verità li għexna aħna u l-ġurnalisti preżenti fl-awla qed tinqaleb ta’ taħt fuq mill-Maġistrat Lia.

Quddiem il-Maġistrat Lia Repubblika ma tista’ qatt ikollha smiegħ xieraq fuq il-każ ta’ challenge li qed tagħmel kontra l-Kummissarju tal-Pulizija.

Għaldaqstant, Repubblika ser ikollha tirrikorri għal passi oħra biex tiżgura li l-komportament abbużiv tal-Maġistrat Lia ma jkompolix iċaħħadha minn smiegħ xieraq u ma jkomplix jagħmel farsa mis-sistema ġudizzjarja ta’ pajjiżna.

In vista tad-Digriet tal-Maġistrat Nadine Lia tal-bieraħ, partikolarment minħabba l-fatt li l-kontenut tiegħu jammonta għal ksur tal-Kodiċi ta’ Etika tal-Ġudikatura, Repubblika ser ikollha tressaq ilment formali kontra l-Maġistrat Lia quddiem il-Kummissjoni għall-Amministrazzjoni tal-Ġustizzja.

Digriet Nadine Lia 22.09.22

Nota ta' Repubblika re Digriet Nadine Lia 22.09.22

Affidavit Nadine Lia – Robert Aquilina

Affidavit Nadine Lia – Alessandra Dee Crespo

Affidavit Nadine Lia – Manuel Delia