Minn dak li qed naraw fil-qorti qed niffurmaw il-fehma li hemm ftehim kollussiv bejn il-prosekuzzjoni u d-difiża biex il-każijiet kontra kriminali ħbieb ta’ Robert Abela jaqgħu. Dan erġajna rajnieh fit-twaqqiegħ tal-każ kontra Christian Borg.
Christian Borg ġie lliberat mill-prosekuzzjoni kontrih ordnata minn qorti fejn Christian Borg xehed falz. Il-pulizija lanqas biss ġabu bħala prova t-traskrizzjoni tax-xhieda ta’ Christian Borg fejn kien xehed falz. Kull ma kellhom jagħmlu kien li jħarrku r-reġistratur tal-qorti biex jikkonferma dak li ġara quddiem qorti oħra. Din il-prova sempliċi u bażika, il-pulizija ma ppreżentawhiex.
Li kieku dan kien żball, kieku qed nisimgħu apoloġija tal-Avukat Ġenerali u tal-Kummissarju tal-Pulizija u miżuri dixxiplinarji kontra min ħadu. Dan ma kienx żball. Is-silenzju tagħhom jikkonferma l-korruzzjoni manifesta tas-servizzi tal-prosekuzzjoni.
Dan kien att vili ta’ awto-sabutaġġ tal-pulizija tal-każ li ġabu quddiem il-qorti għax kienu ordnati jressquh minn qorti oħra.
L-agħar inġustizzja li qed isofri pajjiżna hi li l-kriminali ħbieb ta’ Robert Abela ma jista’ għalihom ħadd u t-tmexxijja tal-pulizija tagħna disposti jagħmlu xogħolhom ħażin biex jipproteġuhom.