Repubblika tikkundanna t-theddid u l-attakki li saru fuq il-ġurnalisti li kienu l-Qorti biex jirraportaw il-proċeduri marbuta mas-serqa ta’ drogi minn post mgħasses mill-Forzi Armati ta’ Malta.
Nesprimu solidarjetà sħiħa ma’ dawn il-ġurnalisti u mal-familji tagħhom.
Ninnutaw kif kemm-il darba l-ġurnalisti jkunu fil-mira tal-kriminali u kif dawn jippruvaw iwaqqfuhom mix-xogħol tagħhom li juru liċ-ċittadini dak li fil-fatt ikun qed jiġri.
Min għandu x’jaħbi jiddejjaq mill-ġurnalisti u jagħmel ħiltu biex jagħlqilhom ħalqhom.
Repubblika tfakkar fid-dmir tal-awtoritajiet li jipproteġu lill-ġurnalisti. Meta jipproteġu lill-ġurnalisti, l-awtoritajiet ikunu qed jipproteġu lilna.
Infakkru wkoll fl-obbligu tagħna lkoll li naħdmu biex il-ġurnaliżmu ħieles ikun protett.