Image: Active & Responsible Citizenship competition Category 2 finalists – Artwork by Jake Saunders, Heikel Makhlouka, Brandon Mifsud, Kieran Caruana, Jean Zammit, Morgan Zammit, and Denzel Marquett from the Guardian Angel School, Ħamrun
Il-libertà taċ-Ċittadin
Id-deputat Ewropew Sandro Ruotolo, li ġie Malta darbtejn mistieden minn Repubblika, fakkar lill-Parlament Ewropew fil-missjoni ta’ Giovanni Falcone: fittxu fejn mixjin il-flus, għaliex il-mafjużi ma jibżgħux mill-ħabs, iżda jibżgħu li jitilfu xi okkażjoni biex jagħmlu il-flus. Mill-esperjenza tagħna, nafu li l-mafjużi jingannaw sija b’mezzi legali kif ukoll b’mod illegali. U jsikktu lil dawk li jiddenunzjawhom.
F’Malta għandna ħafna eżempji ta’ flus li saru billi ntużaw bil-qerq triqat legali biex ħallelin tal-istat idaħħlu kemxa flus ġo buthom għad-dannu tal-poplu li jħallas it-taxxi onestament. M’hemmx għalfejn infakkru fl-istorja maħmuġa tal-Vitals, jew dik tal-Electrogas, jew anke l-mod kif bl-“allowances” ċerti nies fiċ-ċivil jirċievu pagi tal-blieħ waqt li oħrajn iridu jgħixu bil-paga baxxa li jaqilgħu fl-aħħar ta’ kull xahar.
L-ingann kontra l-interessi tal-poplu Malti ma kixfuhx il-pulizija. L-ewwel bniedma li kixfitu kien hemm min bilkemm emminha, u kien hemm min segwiha għax għaraf li kienet qiegħda tgħid il-verità. Iżda Daphne Caruana Galizia tat ħajja ġdida lill-ġurnaliżmu investigattiv fejn ġurnalisti kuraġġjużi bħalha qegħdin jikxfu skandlu wara skandlu ta’ korruzzjoni u regħba għas-skapitu ta’ nies ta’ rieda tajba f’dan il-pajjiż. Tat ħajja ġdida wkoll lis-soċjetà ċivili. Huwa wara mewtha li aħna, Repubblika, bdejna neżistu meta rajna li l-awtoritajiet ippruvaw inessuna mewta daqshekk krudili.
Din il-gimgħa Robert Abela tkellem fuq “grupp żgħir ta’ nies” li jrid irażżan billi jerġa’ jdaħħal l-akkuża kriminali ta’ libell. Jiena nistaqsi, għalfejn irid irażżanhom? X’ma jaqbillux il-prim ministru li dawn jgħidu, jew li jattiraw l-attenzjoni tal-poplu fuq il-ħama li ċerti politiċi jgħodsu fiha għas-skapitu tal-istess poplu, jiġifieri tiegħi u tiegħek?
Fl-istess gimgħa, grupp ta’ madwar 150 tifel u tifla ġew ippremjati minn Repubblika talli kitbu fuq it-tema ta’ “Jimpurtani”. U se nikkwota mill-kitbiet tar-rebbieħa bħala eżempju ta’ tfal u żgħażagħ li jirriflettu fuq xi tfisser il-libertà:
“Aħna fid-dover:
C Caruana, year 9
Li nikkomunikaw it-tħassib tagħna pubblikament biex nqajmu kuxjenza fuq affarjiet gravi;
Li nipparteċipaw f’dimostrazzjonijiet u azzjonijiet immexxija mill-komunità biex nagħmlu pressjoni fuq dawk li jieħdu d-deċiżjonijiet;
Li nipproteġu l-persuni li jieħdu pożizzjoni pubblika f’kwistjonijiet nazzjonali;
Li nitkellmu fil-beraħ u niddefendu l-valuri ta’ ġustizzja, tas-sewwa, sigurtà u liberta biex ikollna soċjetà aħjar.”
“Għalija, id-demokrazija hi l-possibilità li kull ċittadin ikollu d-dritt li jesprimi l-opinjoni tiegħu, li jagħżel il-mexxejja tiegħu, u li fuq kollox ikun irrispettat.”
M Stafrace, year 8
“Id-diversità tal-ħsieb u tal-espressjoni jsaħħu d-dibattitu politiku u jagħtu lok għal deċiżjonijiet u politika infurmati aħjar, li jirriflettu l-bżonnijiet u l-aspirazzjonijiet tal-komunità kollha.”
K Spiteri, Junior College
“Id-dritt fundamentali għas-sovranità popolari – li l-gvern iżomm il-kuntatt man-nies – huwa rrikonoxxut minn kulħadd iżda huwa apprezzat minn ftit; id-dritt għall-parteċipazzjoni politika – li n-nies ikunu in-kuntatt mal-gvern – huwa irrikonoxxut minn ftit u apprezzat minn ftit.”
J Vella, De la Salle Sixth Form
Il-libertà tal-ħsieb, il-libertà tal-kelma, il-libertà tal-istampa, il-libertà ta’ nies li jinġabru flimkien għal kawża ġusta huma libertajiet li jiddefinixxu pajjiż demokratiku. Dawn la Robert Abela, la l-parlament, u la ħadd m’għandu d-dritt irażżanhom jekk Malta għandha tibqa’ tissejjaħ pajjiż demokratiku. U aħna, l-erba’ qtates ta’ Repubblika, se nkomplu niġġieldu għal dawn il-libertajiet f’kull sfera: dik tal-fomm, tal-kitba, u anke tal-qrati fejn hemm bżonn.
Vicki Ann Cremona
President