Illum, it-8 ta’ Marzu, gvernijiet, għaqdiet, nisa u rġiel madwar id-dinja, qegħdin ifakkru il-Jum Dinji ddedikat għan-nisa.
Il-ġurnata teħodna lura nhar it-8 ta’ Marzu 1917, meta bosta nisa Russi nġabru biex iniedu strajk b’riżq “il-Ħobs u l-Paċi.” Riedu jipprotestaw kontra l-qtil ta’ aktar minn żewġ miljun suldat Russi fl-Ewwel Gwerra Dinjija, u kontra l-ġuħ li kien ħakem ‘l-pajjiż minħabba l-gwerra. Mhux hekk biss: il-Jum Dinji tan-Nisa jixhed storja twila ta’ sforzi biex in-nisa jieħdu bi dritt post xieraq fis-soċjetà u sehem sħiħ fil-ħajja pubblika ta’ pajjiżhom. Illum nistgħu infakkru uħud minn dawn l-isforzi, għalfejn saru u x’inkiseb bis-saħħa tagħhom, biex inqawwu qalbna għall-isforzi li għad iridu jseħħu.
Diġà, fl-1903, xi nisa Ingliżi, mmexxija minn Emmeline Pankhurst, waqqfu l-“Women’s Social and Political Union”, biex jiġġieldu għad-dritt tal-vot għan-nisa. Fl-1908, fi New York, 15,000 mara mxew fit-toroq tal-belt f’kampanja biex jiksbu d-dritt għal-vot, pagi aħjar u inqas siegħat tax-xogħol. Sena wara, fit-23 ta’ Frar 1909, in-nisa Amerikani bdew jiċċelebraw Il-Jum Nazzjonali tan-Nisa. Fl-1910, waqt it-tieni konferenza internazzjonali tan-Nisa Ħaddiema, Clara Zetkin ipproponiet l-idea ta’ Jum Internazzjonali tan-Nisa, biex fih, l-attivisti jfakkru l-gvernijiet dwar id-dritt tan-nisa għax-xogħol, għall-vot, għal impiegi fis-servizz pubbliku, u għall-ħelsien minn diskriminazzjoni. Ftit qabel l-Ewwel Gwerra Dinjija, fit-8 ta’ Marzu 1914, nisa madwar l-Ewropa kollha pprotestaw kontra t-tensjonijiet li kienu ser iwasslu għal gwerra kbira u mdemmija. Dakinhar, il-pulizija ta’ Londra arrestaw lill-attivista Sufragette Silvia Pankhurst hi u sejra titkellem f’Trafalgar Square. Fl-1977, in-Nazzjoni Uniti adottat riżoluzzjoni biex jiġi ccelebrat il-Jum tan-Nazzjoni Uniti għad-Drittijiet tan-Nisa u għall-Paci Internazzjonali.
Minn dawn il-ġrajjiet nindunaw bl-għan aħħari: drittijiet li jixirqu d-dinjità tal-mara, f’kull żmien, kull soċjetà u kull ċirkostanza soċjo-ekonomika, huma marbutin mat-tfittxija għall-paċi u l-ġustizzja soċjali, li minnhom kulħadd igawdi – l-irġiel daqs in-nisa, is-setgħana daqs dawk li huma mċaħħdin minn sehem ġust mill-ġid tad-dinja.
Jekk nagħtu ħarsa madwar id-dinja iIlum, f’2025, naraw li għad baqa’ ħafna xi jsir biex in-nisa jgawdu d-drittijiet u d-dinjità li jixirqilhom. F’bosta pajjiżi, il-mara m’għandhiex aċċess għall-edukazzjoni; ma ssibx xogħol dinjituż, jew tieħu paga daqs ta’ raġel li jagħmel l-istess xogħol; ma tistax imqar timxi fit-triq mingħajr skorta ta’ raġel, jew issuq karozza u mġiegħla tilbes ċertu l-ilbies. Ma ssibx għajnuna mill-pulizija meta tkun vittma ta’ vjolenza, saħansitra f’darha stess, jew meta min jimpjegaha jisfruttaha għaliex mara.
F’Malta, sar ħafna progress fil-qagħda tal-mara: madankollu l-vjolenza kontra n-nisa, vjolenza li kemm-il darba twassal għall-mewt tal-vittma, juri li għad hemm ħafna xi jsir. Il-fatt li kellna nirrikorru għall-miżuri speċjali biex ikun hemm rappreżentanza tajba tan-nisa fil-parlament Malti juri li fadal xkiel għal nisa li jixtiequ u għandhom il-ħila li jilħqu karigi influwenti fil-ħajja pubblika. Is-soċjetà Maltija – nisa, kif ukoll irġiel – donnha għadha mhix lesta tirrikonoxxi li mara jista’ ikollha l-ħila tmexxi pajjiż jew intrapriża kbira, bħallikieku t-tmexxija f’dawn l-oqsma hi ħila tal-irġiel biss.
Għalhekk għad hemm il-ħtieġa li ta’ kull sena nkomplu nfakkru “Il-Jum Internazzjonali tan-Nisa”. Għandu jkun Jum li jgħaqqad lill-irġiel u lin-nisa, għaliex il-promozzjoni tad-dinjità tal-mara ma jtellef xejn d-dinjità tar-raġel: għall-kuntrarju, isaħħaħ ukoll rispett sħiħ għad-dinjità u d-drittijiet ta’ kulħadd. Meta, kif nitolbu fl-Innu Malti, l-poplu tagħna joffri drittijiet b’saħħithom lil kull mara u raġel li jgħixu hawn – fil-ħajja pubblika, fl-attività ekonomika, fl-għaqdiet, it-toroq u d-djar tagħna – ikun iseddaq ‘l-għaqda u s-sliem’ għal kull wieħed u għal kulħadd, għal ġensna llum, u għal ulied uliedna.