Il-qafas leġiżlattiv tagħna wera li hu dgħajjef ukoll fil-ġlieda kontra l-korruzzjoni. Jeħtieġ ikun reat kriminali li fondi pubbliċi jintefqu b’mod irresponsabbli, bil-ħela, jew għall-benefiċċju tal-interessi privati minflok għall-interess pubbliku jew bħala kontribut għall-ġid komuni.
L-infiq ta’ fondi pubbliċi mill-gvern ta’ Joseph Muscat biex jiġu kkumpensati xhieda potenzjali ta’ korruzzjoni u jinxtara s-skiet tagħhom jew tissokta l-kompliċità tagħhom għandu, bir-raġun, ikun punibbli. Insemmu, ngħidu aħna, kuntratt li sar fuq struzzjonijiet ta’ Joseph Muscat bejn l-aġenzija tat-turiżmu u Konrad Mizzi bħala kumpens għar-riżenja tiegħu bid-diżunur mill-uffiċċju tal-Ministru responsabbli għall-istess aġenzija talli kien ġie espost għal skandli ta’ korruzzjoni mhux relatati.
Għalkemm il-Prim Ministru Robert Abela u l-Kummissarju għall-Istandards fil-Ħajja Pubblika qiesu dan il-kuntratt bħala inaċċettabbli, la Joseph Muscat u lanqas Konrad Mizzi ma batew xi konsegwenzi. Dan l-aħħar, l-iSpeaker tal-Parlament iddeċieda li ladarba Joseph Muscat m’għadux Membru Parlamenti, il-kwistjoni ma tistax tibqa’ tiġi mistħarrġa aktar mill-Kumitat Parlamentari għall-Istandards fil-Ħajja Pubblika. Din id-deċiżjoni kompliet issaħħaħ il-kultura tal-impunità meta l-poter jiġi abbużat għal skopijiet ta’ korruzzjoni.
Fil-fehma tagħna, l-abbuż tal-kariga għandu jkun reat speċifiku li, għajr meta jkun sar reat ferm aktar gravi, ikun punibbli b’kastig xieraq meta uffiċjal pubbliku, fil-qadi ta’ dmirijietu, jikser ir-regoli ta’ kondotta previsti fil-liġi jew atti li jmorru lil hinn mill-poteri mogħtija lilhom bil-liġi, jew jonqos milli jastjeni f’każijiet kunfliġġenti għalih, jew jipprova jikseb vantaġġ inġust jew mhux dovut għalih jew għal ħaddieħor, jew jikkawża żvantaġġ inġust lil xi ħadd.
L-Artikolu 323 tal-Kodiċi Kriminali Taljan hu mudell possibbli għal dan.23
Fil-liġi Ingliża, imġiba ħażina f’kariga pubblika hija reat bil-liġi komuni, ipproċessata biss wara kap ta’ akkuża. Hija punibbli b’sentenza massima ta’ għomor il-ħabs. Hija reat limitat għall-persuni b’kariga pubblika li jitwettaq meta l-persuna fil-kariga taġixxi (jew ma taġixxix) b’mod li jikkostitwixxi ksur tad-dmirijiet ta’ dik il-kariga.
Ir-reat jitwettaq meta uffiċjal pubbliku li jaġixxi b’dan il-mod, jonqos volontarjament milli jwettaq dmirijietu u/jew ikollu mġiba volontarjament ħażina sa grad li jammonta għal abbuż mill-fiduċja tal-pubbliku f’dan l-uffiċjal mingħajr skuża jew ġustifikazzjoni raġonevoli.24 L-evidenza mismugħa minn din l-Inkjesta tissuġġerilna li l-kriterji għal dan ir-reat ġew issodisfati diversi drabi f’dawn l-aħħar snin.