Joseph Muscat messu jistħi. Il-vavata tiegħu tal-lum turi l-ardir li għandu li minn daqshekk nies ikun hu li jiżżattat u jagħti l-pariri lil ħaddieħor kif titħares is-saltna tad-dritt, meta għamel tant biex jgħaffiġha.
Joseph Muscat illum ipprova juża l-ħelsien ta’ Yorgen Fenech biex jimmina l-konklużjonijiet tal-Inkjesta Pubblika dwar l-assassinju ta’ Daphne Caruana Galizia. M’aħniex se nħalluh jerġa’ jikteb l-istorja.
Repubblika tirrispetta r-rwol kostituzzjonali tal-ġurati u l-awtorità tal-Qorti. Il-verdett għandu s-saħħa tal-liġi, anke jekk aħna ma naqblux miegħu. Imma r-rispett lejn is-saltna tad-dritt ma jobbligax lis-soċjetà tiskot quddiem verdett li ħasad u weġġa’ lil tant nies. Lanqas ma jagħmel “mob” minn familja li għadha qed tfittex ġustizzja għal ommha, minn ġurnalisti li qed jibżgħu għas-sigurtà tagħhom, jew minn ċittadini u organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili li jitolbu kontabbiltà u riforma.
Joseph Muscat qed b’qerq iwaħħad ir-rabja għall-verdett, il-kritika li qed issirlu u reazzjonijiet differenti għalih biex jiskredita l-kontestazzjoni pubblika bħala theddida għas-saltna tad-dritt. Aħna ma naċċettawx il-premessa vili tiegħu.
U qed jipprova juża l-verdett fil-ġuri li sar lil ħaddieħor biex jikkontesta l-verdett li sabu responsabbli għall-ħtijiet tiegħu ħames snin ilu.
Il-ġurati kellhom jiddeċiedu jekk il-prosekuzzjoni ppruvatx lil hinn minn kull dubju raġonevoli l-akkużi kriminali kontra Yorgen Fenech.
L-Inkjesta Pubblika kellha mistoqsija differenti quddiemha: x’responsabbiltà kellu l-Istat għall-kundizzjonijiet li fihom setgħet tinqatel ġurnalista u għall-falliment li jipproteġiha?
Il-ħelsien ta’ Yorgen Fenech ma jħassarx it-tweġiba għal dik il-mistoqsija.
L-Inkjesta identifikat ir-responsabbiltà ta’ Joseph Muscat għad-deċiżjoni tiegħu li ma jiħux passi kontra Keith Schembri u Konrad Mizzi wara l-Panama Papers u li jżommhom fil-kariga anke wara r-rivelazzjonijiet dwar 17 Black. Sabet li dawk id-deċiżjonijiet saħħew il-kultura ta’ impunità li fiha kienu qed joperaw ir-rabtiet bejn amministraturi politiċi u negozjanti kbar li dwarhom kienet tikteb Daphne. Sabet li fuq dik l-impunità straħu elementi tal-kriminalità organizzata u li din “ċertament iffaċilitat l-assassinju”.
Dwar il-protezzjoni li Muscat baqa’ jagħti lil Keith Schembri, l-Inkjesta ddeskriviet il-kondotta tiegħu bħala “inaċċettabbli” u “kundannabbli”, u qalet li kienet tirrapreżenta nuqqas gravi u abbuż fl-eżerċizzju tal-funzjonijiet tiegħu bħala kap tal-gvern u garanti tal-governanza tajba.
Dawn mhumiex konklużjonijiet li jiddependu minn jekk Yorgen Fenech jinstabx ħati. Jiddependu minn dak li Joseph Muscat għamel bħala Prim Ministru. Joseph Muscat jgħid li jaċċetta l-konklużjonijiet tal-Inkjesta. Mela għandu jaċċetta dawn ukoll. Jekk irid “soul searching”, jista’ jibda minn dawn il-konklużjonijiet.
Joseph Muscat jgħid ukoll li l-qrubija bejn il-gvern u negozjanti kbar mhix problema sakemm ma jkunx hemm abbuż. Mur obsor. L-Inkjesta ma kkundannatux għax iltaqa’ man-negozjanti. Ikkundannat dak li għamel meta l-Panama Papers u 17 Black kixfu allegazzjonijiet serji dwar nies fl-ogħla livelli tal-gvern tiegħu. Minflok ma aġixxa, ipproteġihom.
L-Inkjesta sabet li l-konsegwenzi ta’ dawk id-deċiżjonijiet kienu ferm aktar gravi minn sempliċi żball politiku.
Joseph Muscat illum qed jitlob “soul searching” dwar Inkjesta li sabitu responsabbli. Qed jikkritika membru tal-Bord tal-Inkjesta meta l-Bord kollu b’mod unanimu sab li l-kondotta ta’ Muscat kienet inaċċettabbli u kundannabbli. U qed jipprova juża verdett dwar ir-responsabbiltà kriminali ta’ persuna oħra biex idgħajjef konklużjonijiet dwar ir-responsabbiltà politika u istituzzjonali tiegħu.
Il-verdett tal-ġurati ma jħassarx il-Panama Papers, ma jħassarx 17 Black, ma jħassarx dak li ġie żvelat dwar l-Electrogas, ma jħassarx il-falliment tal-Istat li jipproteġi lil Daphne, u ma jħassarx il-konklużjonijiet tal-Inkjesta Pubblika dwar Joseph Muscat u l-gvern li mexxa.
Joseph Muscat m’għandux dritt jerġa’ jikteb l-istorja.
Il-vittma tal-istorja li fiha hu protagonist, mhix Joseph Muscat. Kienet Daphne Caruana Galizia li nqatlet. Il-familja tagħha ilha kważi disa’ snin iġġorr it-telf tagħha u tiġġieled biex pajjiżna jitgħallem mill-fallimenti li ppermettew li ġurnalista tinqatel għax kienet qed tagħmel xogħolha.
Joseph Muscat kien Prim Ministru meta l-Istat falla milli jipproteġiha. Kien Prim Ministru meta Keith Schembri u Konrad Mizzi nqabdu fil-Panama Papers. Kien Prim Ministru meta għażel li jżommhom hemm. Kien Prim Ministru meta ħarġet l-aħbar fuq 17 Black. U l-Inkjesta Pubblika sabet li d-deċiżjonijiet tiegħu saħħew kultura ta’ impunità li ffaċilitat l-assassinju.
Wara dak kollu, ftit li xejn jixraqlu jippreżenta ruħu bħala l-vittma jew bħala l-għalliem ta’ Malta dwar is-saltna tad-dritt.
Yorgen Fenech ġie lliberat mill-akkużi kontrih.
Joseph Muscat ma ġiex illiberat mir-responsabbiltà tiegħu.
09.09.2026
