Il-messaġġi bejn Johann Buttigieg u Yorgen Fenech ippubblikati llum iqażżuk.
Juru familjarità straordinarja bejn negozjant b’interessi kbar fl-iżvilupp u l-bniedem fdat bit-tmexxija tal-Awtorità tal-Ippjanar. Juru uffiċjal pubbliku jiddiskuti opportunitajiet ta’ negozju ma’ persuna li l-interessi kummerċjali tagħha jiddependu minn deċiżjonijiet tal-awtorità li Buttigieg imexxi.
Dawn il-fatti konna nafuhom diġà. Imma meta tara l-konversazzjonijiet mifruxa quddiemek, fi kliemhom stess, l-abbuż ma jistax jibqa’ jitnaddaf jew jiġi minimizzat.
Johann Buttigieg qatt ma kellu jerġa’ jitħalla jersaq qrib kariga pubblika li s-setgħat tagħha jistgħu jiġu sfruttati għal vantaġġ privat.
Imma Robert Abela reġġgħu lura. Dan huwa l-iskandlu politiku tal-lum.
Robert Abela reġa’ ħatar lil Johann Buttigieg biex imexxi l-Awtorità tal-Ippjanar meta kien diġà magħruf x’kien inkixef dwar ir-relazzjoni tiegħu ma’ Yorgen Fenech. Din l-istorja ma sarx jaf biha dalgħodu. Kien jafha u għażel li jinjoraha.
Dan huwa parti minn mudell inkwetanti. Persuni li l-kontenut tal-mobile ta’ Yorgen Fenech esponihom bħala li kellhom relazzjonijiet mhux xierqa miegħu ma ġewx trattati bħala impreżentabbli. Taħt Robert Abela ġew riabilitati u reġgħu ngħataw pożizzjonijiet ta’ poter u influwenza.
Kariga pubblika mhix premju li jingħata lura meta l-iskandlu jkun intesa.
L-Awtorità tal-Ippjanar teżisti biex tapplika r-regoli b’mod imparzjali u fl-interess pubbliku. Ma tistax titmexxa minn persuna li wriet li tqis il-qrubija ma’ żviluppaturi, opportunitajiet personali ta’ negozju u l-eżerċizzju ta’ setgħa pubblika bħala affarijiet kompatibbli.
Dawn ir-relazzjonijiet għandhom konsegwenzi għal kulħadd. Meta r-regoli jitgħawwġu biex l-aktar sinjuri jsiru aktar sinjuri, il-prezz iħallsuh in-nies ordinarji: b’aktar żvilupp bla rażan, b’lokalitajiet meqruda, b’ħsara ambjentali u bil-ġungla tal-konkos li Malta qed tinbidel fiha.
Repubblika titlob:
- 1. It-tneħħija immedjata ta’ Johann Buttigieg mill-Awtorità tal-Ippjanar.
- 2. Spjegazzjoni sħiħa minn Robert Abela dwar id-deċiżjoni tiegħu li jirriabilita u jerġa’ jaħtar lil Buttigieg minkejja dak kollu li kien diġà magħruf pubblikament.
- 3. Li tinħoloq fil-liġi reat kriminali effettiv ta’ abbuż ta’ kariga pubblika, sabiex min jisfrutta s-setgħa pubblika għal vantaġġ privat iħabbat wiċċu ma’ konsegwenzi reali.
Robert Abela ma jistax jaħsel idejh minn dan. Hu għamel il-ħatra. Hu kien jaf x’kien inkixef. U xorta għażel lil Johann Buttigieg.
L-abbuż ta’ kariga pubblika huwa intollerabbli. Li persuna li tkun abbużat minn kariga pubblika terġa’ titqiegħed xjentement fl-istess kurituri tal-poter huwa skandlu politiku.
Għalhekk ukoll intennu s-sejħa tagħna għall-Protesta b’Solidarjetà nhar l-Erbgħa 16 ta’ Settembru fis-19:00 fil-Belt Valletta.
09.09.2026
