PR 46/2026

MALTA ISSA GĦANDHA TIKKONFRONTJA DAK LI ŻVELA L-PROĊESS

Il-verdett tal-bieraħ temmet proċess kriminali wieħed. Ma temmitx ir-rendikont li Malta għad trid tagħmel dwar l-assassinju ta’ Daphne Caruana Galizia.

Ġurija wieġbet il-mistoqsija li tpoġġiet quddiemha. Ninsabu xxukkjati u profondament diżappuntati bis-sentenza tagħha. Kif għedna lbieraħ, emminna, u għadna nemmnu, li l-prosekuzzjoni ppreżentat każ serju u konvinċenti. Iżda r-rispett lejn is-saltna tad-dritt jitlob minna li nirrispettaw l-awtorità tal-Qorti u d-deċiżjoni tal-ġurija, anki meta dik id-deċiżjoni ma tkunx dik li, fil-fehma tagħna, kienet tiġġustifika l-evidenza. M’aħniex se nerġgħu nargumentaw dik il-kwistjoni fil-pubbliku.

Iżda l-assassinju ta’ ġurnalista, il-korruzzjoni li kienet tinvestiga, il-fallimenti tal-istituzzjonijiet li kellhom jipproteġuha, u l-kultura ta’ impunità identifikata mill-Inkjesta Pubblika ma ġewx solvuti bil-verdett f’każ kriminali wieħed.

Għalhekk, il-mistoqsija llum mhijiex jekk Malta taċċettax il-verdett tal-bieraħ. Trid taċċettah.

Il-mistoqsija hi x'se tagħmel Malta issa.

L-Inkjesta Pubblika tibqa' hemm

L-Inkjesta Pubblika indipendenti stabbiliet li l-assassinju ta’ Daphne Caruana Galizia kien intrinsikament marbut max-xogħol investigattiv tagħha u li l-Istat għandu jerfa’ r-responsabbiltà talli ħoloq il-kultura ta’ impunità li fiha sar possibbli l-qtil tagħha. Dawk is-sejbiet ma tħassrux.

Ħames snin wara li l-Inkjesta Pubblika ppreżentat ir-rapport tagħha, kważi ebda waħda mir-riformi mitluba mill-konklużjonijiet tagħha ma ġiet implimentata. Ir-rakkomandazzjonijiet tagħha ma jistgħux jibqgħu dokument li nfakkruh kull Lulju u ninjorawh għall-bqija tas-sena. Issa jridu jiġu implimentati kollha u b’urġenza.

Dan ifisser riformi serji kontra l-korruzzjoni u l-abbuż tal-kariga pubblika. Ifisser miżuri kapaċi jikkonfrontaw il-kriminalità organizzata u t-tfixkil tal-ġustizzja. Ifisser sistemi effettivi biex jiġi identifikat u indirizzat it-theddid kontra l-ġurnalisti. Ifisser protezzjoni mill-intimidazzjoni, mill-pressjoni ekonomika u minn proċeduri ġudizzjarji abbużivi. Ifisser aċċess ġenwin għall-informazzjoni u kundizzjonijiet istituzzjonali li fihom il-ġurnaliżmu jista’ jaħdem indipendentement mill-gvern u minn interessi privati b’saħħithom.

Il-protezzjoni tal-ġurnalisti ma tfissirx li nqabbdu l-għassa magħhom wara li xi ħadd ikun iddeċieda li joqtolhom. Tfisser li nibnu pajjiż fejn min jikxef il-korruzzjoni ma jsirx għadu tal-Istat.

Il-korruzzjoni li kienet tinvestiga Daphne trid titressaq quddiem il-ġustizzja

Daphne Caruana Galizia ma kinitx vittma każwali ta’ vjolenza. Kienet ġurnalista assassinata minħabba x-xogħol tagħha biex tikxef il-korruzzjoni u l-abbuż tal-poter. Għalhekk, il-ġustizzja ma tistax tkun limitata għall-istabbiliment tar-responsabbiltà kriminali għall-assassinju tagħha filwaqt li nibqgħu nittolleraw il-korruzzjoni li kienet qed tinvestiga.

Allegazzjonijiet serji li joħorġu minn materji li kienet tinvestiga Daphne għadhom ma ġewx investigati b’mod adegwat jew ma tressqux għall-prosekuzzjoni. Dan huwa falliment intollerabbli.

Kull allegazzjoni kredibbli ta’ korruzzjoni marbuta max-xogħol tagħha għandha tiġi investigata b’mod indipendenti, mingħajr dewmien u irrispettivament mill-poter politiku, ekonomiku jew soċjali tal-persuni involuti. Fejn l-evidenza tiġġustifika prosekuzzjoni, għandha ssir prosekuzzjoni.

Ħadd m’għandu jkun tant b’saħħtu li ma jistax jiġi investigat. L-ebda kariga li xi ħadd kellu, servizz politiku li ta, ħbiberija li gawda jew ġid li akkumula m’għandhom jagħtuh immunità mil-liġi.

Ir-responsabbiltà politika ma tisparixxix

L-Inkjesta Pubblika stabbiliet ir-responsabbiltà tal-Istat u identifikat kultura ta’ impunità li nħolqot fl-ogħla livelli tal-amministrazzjoni ta’ Joseph Muscat. Malta ma tistax tiġġedded filwaqt li tirriabilita l-kultura politika li wasslitna sa hawn.

Dawk li kellhom responsabbiltà politika għall-ħolqien, iż-żamma jew id-difiża ta’ dik il-kultura ta’ impunità m’għandhomx issa jiġu riabilitati bħala statisti jew jerġgħu jingħataw pożizzjonijiet ta’ awtorità u influwenza pubblika. Ir-responsabbiltà kriminali tiġi ddeterminata mill-qrati. Ir-responsabbiltà politika tiġi ddeterminata fil-ħajja demokratika.

Il-verdett tal-bieraħ ma jħassarx ir-responsabbiltà politika. Din mhijiex vendetta, u mhijiex piena kollettiva. Huwa rekwiżit elementari li l-eżerċizzju ta’ kariga pubblika jkollu konsegwenzi meta jsir b’mod li jagħmel ħsara gravi lill-istituzzjonijiet demokratiċi.

Lanqas ma tista’ Malta tippretendi li l-problema tappartjeni biss lill-passat. Il-kultura politika li ffjorixxiet taħt Joseph Muscat ma għebitx awtomatikament meta Joseph Muscat telaq mill-kariga. Għadhom joħorġu skandli ta’ korruzzjoni mingħajr konsegwenzi adegwati. Is-salvagwardji demokratiċi għadhom vulnerabbli. L-istituzzjonijiet inkarigati li jiddefendu s-saltna tad-dritt għadhom esposti għall-pressjoni politika.

Għalhekk, rendikont nazzjonali ġenwin irid jikkonċerna mhux biss dak li ġara dak iż-żmien, iżda wkoll il-mod kif Malta qed titmexxa llum.

L-Istat irid jagħti tifsira lill-apoloġija tiegħu

L-Istat diġà nstab responsabbli għaċ-ċirkostanzi li ppermettew l-assassinju ta’ Daphne, u Prim Ministru diġà talab skuża għan-nuqqasijiet tal-Istat.

Iżda apoloġija mhijiex sentenza li tingħad darba waqt konferenza stampa. Apoloġija sinċiera titlob rikonoxximent, responsabbiltà u bidla.

L-Istat Malti jrid jagħti sustanza lill-apoloġija tiegħu permezz tal-azzjoni: billi jaċċetta mingħajr riservi l-fallimenti istituzzjonali li esponew lil Daphne għall-periklu; billi jirrikonoxxi l-kultura ta’ impunità li kienet tipproteġi lil dawk li kienet tinvestiga; billi jirrikonoxxi l-vilifikazzjoni li fiha pparteċipaw awtoritajiet pubbliċi; u, fuq kollox, billi jlesti r-riformi li l-assassinju tagħha għamel inevitabbli. Mingħajr bidla, l-apoloġija ssir ritwal.

Il-lakuni fil-liġijiet tagħna jridu jingħalqu

L-evidenza li nstemgħet matul il-proċess qajmet ukoll mistoqsijiet serji dwar l-imġiba ta’ persuni oħra minbarra l-akkużat, fosthom allegazzjonijiet dwar żvelar ta’ informazzjoni kunfidenzjali, indħil fi jew tfixkil ta’ investigazzjonijiet, kuntatti mhux xierqa bejn uffiċjali pubbliċi u persuni marbuta mal-investigazzjoni, u mġiba oħra li setgħet ippreġudikat il-ħidma tal-istituzzjonijiet.

Fejn allegazzjonijiet bħal dawn għadhom ma ġewx investigati b’mod sħiħ u indipendenti, għandhom jiġu investigati. Fejn diġà hemm investigazzjonijiet għaddejjin, dawn għandhom jitwasslu sal-konklużjoni xierqa tagħhom. Fejn l-evidenza tindika mġiba li tista’ tkun kriminali, ħadd m’għandu jkun protett minn investigazzjoni jew prosekuzzjoni minħabba l-kariga, il-konnessjonijiet politiċi jew l-istatus tiegħu.

Il-proċess qajjem ukoll mistoqsijiet serji dwar jekk il-liġi kriminali Maltija hijiex mgħammra b’mod adegwat biex tindirizza mġiba maħsuba biex tipproteġi għemil ħażin serju jew biex tfixkel investigazzjonijiet kriminali. Dawk il-mistoqsijiet jeħtieġu wkoll tweġibiet leġiżlattivi.

Malta teħtieġ liġijiet komprensivi u istituzzjonijiet kapaċi jikkonfrontaw il-konverġenza bejn il-kriminalità organizzata, il-korruzzjoni, l-influwenza politika u l-poter ekonomiku.

Il-liġi kriminali tagħna trid tindirizza b’mod effettiv il-parteċipazzjoni f’organizzazzjonijiet kriminali ta’ tip mafjuż, it-tfixkil jew l-iżgwidar intenzjonat ta’ investigazzjonijiet serji, l-għajnuna maħsuba biex tipproteġi lil persuni responsabbli għal reati serji, u l-abbuż tal-kariga pubblika meta l-poter pubbliku jintuża biex jiġu mwissija suspettati, tinħeba l-evidenza, jiġu mxekkla l-investigaturi jew persuni jiġu protetti mill-konsegwenzi tal-għemil ħażin tagħhom. Malta ma tistax tistenna assassinju ieħor qabel ma ssewwi d-dgħufijiet li diġà huma evidenti.

Il-pulizija trid tkun indipendenti

L-ebda demokrazija ma tista’ tiffunzjona sew jekk persuni suspettati b’għemil ħażin serju jistgħu raġonevolment jittamaw li r-relazzjonijiet politiċi tagħhom jgħarrfuhom x’jafu l-investigaturi, x’beħsiebhom jagħmlu jew kif jistgħu jevitaw il-konsegwenzi.

Il-Korp tal-Pulizija ta’ Malta jrid ikun strutturalment u operazzjonalment indipendenti mill-gvern. Il-ħatriet, is-sigurtà tal-kariga, ir-riżorsi u l-mekkaniżmi ta’ kontabbiltà jridu jippermettu lill-investigaturi jsegwu l-evidenza kull fejn twassal: lejn Kastilja, ministeri, partiti politiċi, negozji kbar jew il-korp tal-pulizija nnifsu.

L-uffiċjali tal-pulizija jridu jkunu jafu li l-karriera tagħhom ma tiddependix milli jogħġbu lill-politiċi. Il-politiċi jridu jkunu jafu li l-pulizija ma jaħdmux għalihom. Iċ-ċittadini jridu jkunu jafu li l-liġi tapplika bl-istess mod għal kulħadd.

Is-soċjetà ċivili trid tibqa' viġilanti

L-esperjenza ta’ dawn l-aħħar disa’ snin uriet ukoll għaliex soċjetà ċivili organizzata hija importanti. Il-ġurnalisti investigaw. L-avukati marru l-qorti. Iċ-ċittadini pprotestaw. Occupy Justice u attivisti oħra rrifjutaw li jħallu l-memorja ta’ Daphne titħassar. Is-soċjetà ċivili żammet l-iskrutinju f’Malta u barra minn Malta meta l-inerzja istituzzjonali, l-ostilità u l-għeja setgħu minflok wasslu għas-skiet.

Dik il-mobilizzazzjoni ċivika ma ddeterminatx il-verdett tal-bieraħ u qatt ma kellha d-dritt tagħmel dan. Il-qrati jiddeterminaw ir-responsabbiltà kriminali. L-għan tagħha kien differenti: li tinsisti li l-istituzzjonijiet tar-Repubblika jaqdu d-dmirijiet kostituzzjonali tagħhom. Dik ir-responsabbiltà tkompli.

Malta teħtieġ kultura ta’ legalità

Ir-riforma istituzzjonali waħedha mhix biżżejjed. Malta trid tinvesti f’edukazzjoni ċivika li tgħallem il-legalità mhux sempliċement bħala ubbidjenza għar-regoli, iżda bħala kultura demokratika.

Il-ġenerazzjonijiet futuri jridu jitgħallmu li l-ġid pubbliku huwa ta’ kulħadd; li l-kariga pubblika hija responsabbiltà fdata f’idejn min jokkupaha; li l-korruzzjoni mhijiex għaqal; li l-favoritiżmu mhuwiex ġenerożità; li s-skiet quddiem l-għemil ħażin mhuwiex lealtà; u li min jikxef il-korruzzjoni jkun qed jagħti servizz lill-komunità tiegħu.

Irridu ngħallmu kif il-kriminalità organizzata u l-korruzzjoni jikbru permezz tal-klijenteliżmu, il-biża’, id-dipendenza, il-protezzjoni politika u n-normalizzazzjoni tal-illegalità.

Il-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia għandu jinftiehem mill-ġenerazzjonijiet futuri mhux biss bħala reat li twettaq fis-16 ta’ Ottubru 2017, iżda bħala twissija dwar x’jista’ jiġri meta l-korruzzjoni tiġi ttollerata u l-istituzzjonijiet jieqfu jirreżistu l-poter.

Ix-xogħol li għad fadal

Ir-risposta ta’ Repubblika għall-verdett tal-bieraħ mhijiex li tikkontesta l-awtorità tal-Qorti. Hija li tinsisti li kull istituzzjoni oħra issa teżerċita l-awtorità tagħha u taqdi r-responsabbiltajiet tagħha. Investigaw il-korruzzjoni li kixfet Daphne. Implimentaw l-Inkjesta Pubblika kollha kemm hi. Agħlqu l-lakuni fil-liġi. Żguraw l-indipendenza tal-investigaturi. Ipproteġu lill-ġurnalisti. Irrifjutaw ir-riabilitazzjoni tal-kultura politika li ħolqot l-impunità. Għallmu ġenerazzjoni oħra li l-kariga pubblika hija responsabbiltà fdata f’idejn min jokkupaha u li l-korruzzjoni hija attakk fuq id-demokrazija.

Wara dawn it-talbiet kollha tibqa’ r-realtà umana li biha bdejna lbieraħ: familja ilha kważi disa’ snin tgħix bil-qtil ta’ mara, omm u bint, u b’dak kollu li ġie wara. L-ebda riforma istituzzjonali ma tista’ treġġa’ lura dik it-telfa. Iżda l-inqas li Malta għandha tagħmel għall-familja ta’ Daphne, u lill-pajjiż li serviet permezz tal-ġurnaliżmu tagħha, huwa li titgħallem minn dak li ġara u tiżgura li l-fallimenti li għamlu possibbli l-assassinju tagħha ma jerġgħu qatt iseħħu.

Ilbieraħ intemm proċess. Ix-xogħol li Malta għadha ma għamlitx għadu hemm.

Repubblika biħsiebha tkompli tagħmel il-parti tagħha.

03.09.2026