Illum se nippublika silta mid-diskors li tajt lill-ġurnalisti waqt il-konferenza stampa li Repubblika tat nhar is-sibt 5 ta’ Ottubru biex nispjega lill-membri tagħna x’bi ħsiebha tagħmel l-għaqda tagħna biex tirrispetta l-volontà tal-qorti. Infakkarkom li din il-konferenza ssejħet biex inħabbru l-attivitajiet kollha li se norganizzaw biex infakkru l-mewt ta’ Daphne Caruana Galizia. Illum aktar minn qatt qabel nappellaw lilkom u lil dawk kollha ta’ rieda tajba biex jippartecipaw fl-attivitajiet tagħna bħala sinjal tal-importanza li kollha kemm aħna nagħtu lill-process demokratiku. Se ssibu darb’oħra l-programm tal-attivitajiet fil-qieħ ta’ din il-paġna.
Kif tafu, nhar il-Erbgħa 16 ta’ Ottubru huwa s-seba’ anniversarju mill-qtil tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia, u bħal kull sena, aħna li nistennew li ġustizzja issir qegħdin infakkru l-ħajja u x-xogħol tagħha permezz ta’ serje ta’ attivitajiet li qegħdin norganizzaw. Il-programm kollu ta’ dawn l-avvenimenti huwa mxandar fuq il-website u l-paġni tal-facebook tagħna.
Kif tafu wkoll, Repubblika m’għandhiex biss rwol ta’ “watchdog” fuq is-saltna tad-dritt u ta’ kritika fejn u meta din ma tiġix irrispettata. Għandha ukoll ir-rwol li tirrifletti u tipproponi approċċi ġodda kif id-demokrazija tiġi mħarsa u s-saltna tad-dritt irrispettata. Għalhekk, aħna ħriġna dokument ġdid li jismu : “Niddefendu l-Integrita’. Strateġija u Manifest kontra l-korruzzjoni”.
Kif għidt fl-introduzzjoni tiegħi ta’ dan il-ktejjeb, dan huwa manifest għall-alleanza tas-socjeta’ civili kontra l-korruzzjoni. F’demokrazija li taħdem tajjeb, is-socjetà civili għandha rwol importanti fil-ġlieda kontra l-korruzzjoni. Din il-ġlieda m’għandiex titħalla biss f’idejn il-politici, li joqogħdu għassa ta’ xulxin. Huwa għalhekk li aħna erfajna l-isfida li niġġieldu kontra l-korruzzjoni bħala parti mill-missjoni tagħna, u nħeġġu lil għaqdiet oħra jipparteċipaw magħna biex flimkien ikollna aktar saħħa kontra l-ħażen u l-qerq li minnu rajna u għad qed naraw wisq f’pajjiżna.
Jekk intom tiftħu dan il-ktejjeb tindunaw li hemm xi linji suwed li jgħattu partijiet minnu. Din l-autocensura aħna għamilniha fir-rispett tad-digriet maħruġ mill-Imħallef Edwina Grima. Huwa għaliex aħna rridu bis-sħiħ naraw li ġustizzja issir u ma rridu bl-ebda mod inxekklu l-process tal-ġustizzja, li qegħdin nagħmlu hekk. Dan il-ktejjeb ġie stampat qabel ma ħareġ id-digriet, u għalhekk iddeċidejna li ngħattu dak kollu li jmur kontra l-volonta’ tal-Qorti. Dan għaliex inħossu li mhuwiex importanti jekk naqblux mad-deċiżjoni tal-qorti jew le, imma sakemm dik hija l-ordni, aħna se nobduha. Għall-istess raġuni, aħna rrivedejna l-programm tagħna biex naċċertaw li ma mmorrux kontra l-volonta’ tal-Qorti. Għalhekk m’aħniex se nittrażmettu cċerti attivitajiet tagħna biex il-kelliema tagħna jkunu jistgħu jitkellmu liberament, u ħlief għall-memorjal fil-Bidnija fit-3 ta’ wara nofsinhar tas-16 ta’ Ottubru, dak li nitrażmettu se nagħmluh wara l-attivita’ billi niccensuraw dak kollu li jista’ jintqal u li jmur kontra d-digriet.
Vicki Ann Cremona
President