Repubblika Mhix Lesta Tittollera Indħil Fil-Ġustizzja
Repubblika għada kemm ħarġet stqarrija stampa tikkundanna t-theddida tal-Prim Ministru fi stqarrija li għamel fuq Facebook, li jrid jirriforma l-inkjesti maġisterjali. Huwa qiegħed jindika li se jneħħi d-dritt ta’ individwi li jissottomettu petizzjoni għal inkjesta maġisterjali.
Minflok jagħmel dan, il-Prim Ministru għandu jara għalfejn ic-cittadin iħoss li l-unika mod biex jottjieni ġustizzja huwa li jirrikorri għal dak il-mezz. Jekk Robert Abela irid jirriforma s-settur, għandu jagħmel dan li jsegwi:
- issir r-riforma necessarja u r-riżorsi approprjati lill-pulizija biex ma jaqgħux taħt il-kappa tal-gvern tal-ġurnata u jinvestigaw u jaġġixxu kontra kull tip ta’ korruzzjoni;
- riforma fil-maġistratura fejn jinħatru maġistrati investigattivi, b’pulizija li jaħdmu direttament magħhom biss, li xogħolhom ikun li jindagaw suspetti ta’ korruzzjoni;
- l-ufficcju tal-AG ma jiġix ikkundizzjonat u mnawwar b’indħil politiku u jagħmel xogħlu bla ma jħares lejn wicc ħadd;
- il-Kummissjoni permanenti kontra l-korruzzjoni tqum mir-raqda li qiegħda fiha u tibda tiffunzjona skont il-poteri li diġa tagħtiha l-liġi.
Jekk il-prim ministru jwettaq dawn ir-riformi, allura verament ikun qiegħed jaħdem fl-interess tal-ġustizzja. Il-ġlieda kontra l-korruzzjoni għandha tiġi msaħħa billi nżidu l-mezzi biex niġġildulha, mhux billi nnaqsuhom.
Iżda d-dikjarazzjoni tiegħu fuq Facebook ma tindikax li din hija t-triq li Robert Abela jrid jimxi fiha. Aħna ta’ Repubblika lesti niġġildulu b’kull mezz biex inwaqqfu ħerba fil-ġustizzja.
Vicki Ann Cremona
President
Renato Camilleri
Vice President