Repubblika tikkundanna bl-aktar mod qawwi d-dikjarazzjonijiet tal-Ministru Malcolm Paul Agius Galea li llum issuġġerixxa li mhux ċar jekk Daphne Caruana Galizia nqatlitx minħabba l-ħidma tagħha bħala ġurnalista.
Din mhijiex opinjoni ta’ kummentatur. Hija dikjarazzjoni ta’ Ministru tal-Gvern ta’ Malta. Aħna nirrifjutawha u nikkundannawha mingħajr riżervi.
L-Inkjesta Pubblika indipendenti stabbiliet li l-provi kollha kienu jindikaw li l-assassinju ta’ Daphne Caruana Galizia kien konsegwenza diretta tal-ħidma investigattiva tagħha dwar korruzzjoni, abbuż ta’ poter u r-rabta bejn il-politika u n-negozju.
Ministru tal-Gvern ma jistax jippretendi li dawn il-fatti ma jeżistux.
Ma nistgħux nibdew insolvu l-problemi enormi li għandu pajjiżna jekk il-Ministri li għandhom ir-responsabbiltà li jindirizzawhom jiċħdu li jeżistu.
Din hi omertà. Din hi kompliċità mal-kultura li tipproteġi l-kriminalità organizzata. Dan hu li tagħlaq għajnejk quddiem il-verità — litteralment quddiem għajnejna.
Meta Ministru jiċħad fatti stabbiliti minn inkjesta pubblika tal-Istat stess dwar l-assassinju ta’ ġurnalista, dan huwa għajb għal pajjiż demokratiku.
Nipprotestaw kontra dawn id-dikjarazzjonijiet bl-aktar mod qawwi.
Il-Gvern għandu jirtirahom minnufih u jafferma mingħajr ambigwità dak li l-Istat Malti diġà ġie obbligat jirrikonoxxi: Daphne Caruana Galizia kienet ġurnalista assassinata minħabba xogħolha.
