Illum huwa is-seba’ anniversarju mill-qtil krudili ta’ persuna li qalet il-verità. Certament Daphne Caruana Galizia qatt ma ppretendiet li kienet la qaddisa u lanqas perfetta, iżda element ta’ perfezzjoni kellha żgur: il-kitba tagħha li kienet toħroġ bħala riżultat ta’ riċerka spjetata għall-verità. Daphne ma kellhiex kantunieri, kienet tikxef il-ħażen u l-qerq kollu li kienet tiskopri. U kliemha ma kinitx togħmodhom, ma kinitx tipprova tkun diplomatika, għaliex riedet tgħid l-affarjiet kif verament kienu.
Għaliex aħna, kull xahar, ninġabru biex ma ninsewx? Għaliex aħna rridu li din il-verità tkompli toħroġ. Irridu protezzjoni għall-ġurnalisti kuraġġjużi li jkomplu jfittxu u jikxfu l-ħażen, irridu liġi anti-mafia, li tipproteġi lill-Malta tassew min-nies sinjuri u qarrieqa li bla skrupli jisirquha, jingannawha, u jikkorrompu lill-dawk il-mexxejja li suppost ituna l-eżempju ta’ onestà u lealtà. Irridu li permezz ta’ din il-liġi, il-ġid li jiġi akkwistat b’mod qarrieqi jingħata lura lis-soċjetà. Irridu li l-kundanni għal dawn il-pieni ma jitnaqqsu bl-ebda mod. Meta ssibu ż-żmien, araw l-intervista li għamlet Monique Agius lil bniedem kuraġġjuż, Tiberio Bentivoglio, li ħajtu ddedikaha jiġġieled kontra l-agħar mafja, dik l-aktar għonja li teżisti fid-dinja: L-Ndrangheta. Dan jemmen li l-edukazzjoni kontra l-mafja trid tibda minn meta wieħed għadu zgħir, u għalhekk idur l-iskejjel jitkellem u jħeġġeġ liż-żgħażagħ biex ma jaqgħux għar-rebgħa tal-flus u tal-ħażen.
Illum inħeġġukom tkunu magħna l-lejla biex turu intom ukoll li din il-qarnita mafjuża li ħakmet lill-pajjiżna rridu neħilsu minnha; li mill-politici tagħna, ikunu min ikunu, neżiġu lealtà u onestà, u mhux gideb u ngann. Nitolbukom tiġu magħna biex flimkien nuru li dawk li jridu l-verita u l-ġustizzja huma forza importanti f’dan il-pajjiż, li kull politiku jrid iqisha.
Biex nobdu d-digriet li ħareġ mill-qrati, illum m’aħniex se nittrażmettu live il-velja tagħna sabiex il-kelliema jkunu jistgħu jgħidu dak li jridu liberament. Nittrażmettu wara li nkunu auto-ċċensurajna l-filmati, il-bicciet li jistgħu jiġu mxandra. Għalhekk huwa importanti ħafna li fis-7.00pm tkunu ħdejn il-knisja ta’ San Franġisk il-Belt ħalli nibdew nimxu sal-mafkar quddiem il-Qorti. Dawk li jbatu biex jimxu jistgħu jiltaqgħu magħna hemmhekk.
Nispera li narawkom lkoll il-lejla. Kif jgħidu t-Taljani: “L’Unione fa la Forza!”
Vicki Ann Cremona
President