Għar-raba’ sena konsekuttiva, Repubblika organizzat il-kompetizzjoni “Xi tfisser għalija d-demokrazija?” għall-iskejjel sekondarji u post sekondarji kollha ta’ Malta. It-tema ta’ din is-sena kienet “Jimpurtani”, li kien is-slogan ta’ Don Lorenzo Milani li waqqaf l-iskola ta’ Barbiana fit-Toscana. L-istudenti, li kienu maqsuma fi tliet kategoriji: l-ewwel kategorija għal studenti tal-livelli 7, 8 u 9; it-tieni kategorija għal dawk fil-livelli 10 u 11; u t-tielet kategorija għal dawk fil-livell post-sekondarju, setgħu jiktbu komponiment jew ipinġu poster. Ġurija mwaqqfa apposta għażlet il-finalisti li esibixxew ix-xogħol tagħhom fis-“Serata għad-Deomkrazija” li saret nhar din il-ġimgħa fl-Iskola ta’ Santa Monika, f’Birkirkara.
Is-serata bdiet b’messaġġ ta’ Dr Roberta Metsola, il-President tal-Parlament Ewropew, li saħqet fuq l-importanza ta’ parteċipazzjoni attiva kemm fuq livell soċjali, kif ukoll fuq livell politiku. Fost dawk preżenti, kien hemm kapijiet tal-iskejjel, għalliema, ġenituri u studenti.
George Vital Zammit li kien il-mistieden ewlieni, flimkien ma’ Vicki Ann Cremona, President ta’ Repubblika, qassmu l-premijiet lill-finalisti u lill-ewwel studenti li kienu bagħtu x-xogħol tagħhom. Għall-ewwel darba, din is-sena kien hemm 74 student tal-Guardian Angel Secondary Education Resource Centre, Ħamrun, li pparteċipaw fi gruppi u għamlu posters li xi wħud minnhom waslu għall-finali.
Wara li ngħataw il-kotba, saru diskorsi minn Sr Marika Briffa, il-Kap tal-Iskola ta’ Santa Monika, Prof Vicki Ann Cremona, President ta’ Repubblika, u Dr George Vital Zammit, il-mistieden speċjali. It-tliet diskorsi kienu dwar il-veru sinifikat ta’ demokrazija, il-ħtieġa ta’ impenn fis-soċjetà, il-libertà tal-espressjoni, u l-valuri ta’ solidarjetà u ġid komuni.
Is-serata kienet imżewqa b’siltiet mużikali li Jacob Portelli daqq fuq l-arpa. Is-sottokumitat ta’ Repubblika li organizza din l-inizjattiva kien immexxi minn Mario Grech flimkien ma’ Mary Anne Camilleri u Marion Pace Asciak. Ringrazzjament speċjali jmur għal Sr Marika Briffa li laqgħatna fl-iskola tagħha.