L-istejjer dwar il-ħmieġ, l-abbuż u l-korruzzjoni fl-istorja tal-isptarijiet tagħna lkoll ma jieqfu qatt.
Repubblika hija xxukjata bl-istorja skandaluża ppublikata mit-Times of Malta dwar ftehim moħbi biex 30% mill-miljuni maħmuġin li Steward Health Care jagħmlu minn fuq dahar il-morda Maltin jgħaddu għand kumpanija oħra tal-businessman Shaukat Ali.
Repubblika hija skantata li kumbinazzjoni eżatt kif il-Prim Ministru ddiżgrazzjat Joseph Muscat spiċċa minn prim ministru, huwa ġie mogħti konsulenza ta’ eluf kbar ta’ ewro minn din il-kumpanija ta’ Shaukat Ali.
Repubblika hija ddiżgustata li l-Prim Ministru Robert Abela ma lissinx kelma waħda dwar dan l-iskandlu l-ġdid.
Infakkru li f’Ottubru li għadda l-Qorti tal-Appell iddikjarat li kien hemm “kollużjoni bejn Steward u uffiċjali għolja tal-Gvern jew l-aġenziji tiegħu.” Fi kliem ieħor il-Gvern mhux vittma tal-korruzzjoni iżda aġent li jieħu sehem fil-korruzzjoni.
L-iskandlu tal-isptarijiet huwa essenzjalment korruzzjoni fl-agħar forma tagħha. Mhux biss serq tal-flus tagħna lkoll, iżda serq mill-kura lill-morda tagħna biex minflok servizzi tal-kura, il-ftit maħmuġa jħaxxnu buthom.