Insostnu li l-Avukat Ġenerali għandha tgħaddi kopja sħiħa lil Repubblika tar-rapport tal-inkjesta maġisterjali dwar il-bejgħ tal-isptarjiet.
F’dawn l-aħħar jiem, immedjatament kif kien magħruf li din l-inkjesta kienet ġiet konkluża, Repubblika ressqet talba bil-miktub lill-Avukat Ġenerali biex tingħata kopja. Wara li ma rċevejna l-ebda risposta, erġajna ressaqna talba oħra. Lanqas din ma ġiet imwieġba. Lanqas biss irċevejna acknowledgement.
Għalhekk dalgħodu issottomettejna ittra uffiċjali fil-Qorti, permezz tal-Avukat Jason Azzopardi, biex l-Avukat Ġenerali tgħaddilna kopja sħiħa tar-rapport ta’ din l-inkjesta.
Infakkru li din l-inkjesta saret fuq talba ta’ Repubblika fl-2019 u ninnotaw li l-Prim Ministru u l-Ministru tal-Ġustizzja ingħataw kopja. Jidhrilna li dan l-aġir imur kontra l-provvedimenti tal-Kostituzzjoni u tal-Konvenzjoni Ewropea għad-Drittijiet tal-Bniedem.
Repubblika ser tieħu aktar passi jekk it-talba tagħna ser tibqa’ tiġi injorata.