Repubblika tikkundanna bl-aktar mod kategoriku d-deċiżjoni tal-Awtorità tax-Xandir li timmulta lil RTK 103 talli ma tax spazju lil Norman Lowell u ‘l-partit faxxista tiegħu qabel il-kampanja Ewropea li għaddiet.

Norman Lowell u l-partit tiegħu jippromwovu politika anti-demokratika, imsejsa fuq il-mibgħeda, fuq it-tneħħija tad-drittijiet tal-bniedem, u fuq fantasija faxxista ta’ “imperu Ewropew”. Din hi politika li nistmerru u li, għax trid teqred id-demokrazija, m’għandha ebda spazju fiha.

F’demokrazija għandu jkun hemm spazju għal opinjonijiet diverġenti, ħlief għal dawk l-opinjonijiet li bħal ta’ Norman Lowell ma jittollerawx id-dritt ta’ ħaddieħor li jgħix.

L-Awtorità tax-Xandir hi korp imwaqqaf mill-Kostituzzjoni u li allura għandha l-mestier ewlieni li tiddefendiha. Bejn il-faxxiżmu u d-demokrazija, l-Awtorità tax-Xandir m’għandhiex tkun newtrali. Aħseb u ara kemm għandha timmulta lil min jaqdi dmiru ta’ demokratiku u ma jittollerax il-faxxiżmu.

Nesprimu solidarjetà ma’ Andrew Azzopardi u mal-kollegi tiegħu f’RTK 103 u nassigurawhom li l-forzi demokratiċi kollha f’Malta mhumiex se jħalluhom weħidhom. Hi ħasra li għal darb’oħra l-Istat Malti abbanduna d-demokrazija u pprefera t-tirannija.