L-akkuża li l-Uffiċju tal-Prim Ministru jinsab involut f’cover up ta’ reati kriminali hija akkuża serja ħafna. Il-Prim Ministru ma jistax jibqa’ sieket quddiem din l-akkuża mill-aktar gravi.

Repubblika tinsisti li l-verità sħiħa għandha ssir magħrufa dwar l-akkużi gravi li għamel Roger Agius dwar l-Uffiċju tal-Prim Ministru u dwar il-Pulizija biex isir cover up ta’ reati kriminali.

Ma jistax ikun li akkużi gravi bħal dawn ma jkunux investigati f’pajjiż demokratiku u pajjiz membru tal-Unjoni Ewropea.

Ma jistax ikun li ssir allegazzjoni li l-Uffiċju tal-Prim Ministru pprova jirranġa biex persuna ma tikxifx reat kriminali u l-Prim Ministru ma jgħid xejn.

Ma jistax ikun li l-Pulizija tinvestiga allegazzjoni gravi li l-Puliizja nnifisha għaddiet informazzjoni lill-membri tal-Kabinett dwar dak li ntqal dwarhom waqt investigazzjoni kriminali.

Is-skiet tal-Prim Ministru huwa insult lilna lkoll.

Repubblika mhi ser taċċetta qatt li l-Gvern jaħbi attentat ta’ cover up ta’ reati kriminali minn membri tiegħu. M’aħniex ser nieqfu qabel toħroġ il-verità sħiħa u min naqas jirrispondi ta’ għemilu.