In-nomina ta’ Edward Zammit Lewis għall-pożizzjoni ta’ mħallef tal-Qorti tal-Unjoni Ewropea hi premju mhux mistħoqq għal wieħed mill-pilastri tal-edifiċju korrott ta’ Joseph Muscat.

Edward Zammit Lewis inqabad meta kien ministru jiekol minn id Yorgen Fenech. Pajjiż sħiħ ra messaġġi ta’ Zammit Lewis lil Yorgen Fenech jilgħaqlu għajnu. Dan kien qed jagħmlu meta pajjiż sħiħ kien jaf li Yorgen Fenech xaħħam lill-ministri għall-kuntratti tal-gvern u min kellu għajnejh f’wiċċu kellu kull raġun jissuspetta li biex jgħatti dak li kien qed jagħmel, Fenech allegatament ordna l-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia.

Edward Zammit Lewis iddefenda l-korruzzjoni istituzzjonalizzata tal-gvern ta’ Joseph Muscat u laqqamha “Muscatonomics” bħallikieku s-serq u t-tixħim kienu xi innovazzjoni ammirevoli.

Edward Zammit Lewis kien wieħed mill-ministri tal-gvern li nstab politikament responsabbli minn inkjesta pubblika għall-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia.

Edward Zammit Lewis hu impreżentabbli għall-ħajja pubblika u minflok il-premju ta’ “cushy job” għandu jibqa’ jkun eskluż mill-ħajja pubblika, kif fuq kollox diġà eskludewh l-eletturi tiegħu.

Meta jippreżenta nomina bħal din, Robert Abela jagħmel tiegħu l-ħtijiet politiċi ta’ Edward Zammit Lewis, u jġedded il-mistħija li ġabu fuq pajjiżna l-ministri ta’ Joseph Muscat.