Repubblika tikkundanna bil-qawwa l-intimidazzjoni tal-ġurnalisti u tappella lill-gvern biex jiżgura li attakki fuq il-ġurnalisti ma jkunux ittollerati.

Repubblika ilha tissorvelja r-retorika politika li adotta l-gvern, inkluż Robert Abela, fil-jiem li għaddew wara ġiet konkluża l-inkjesta maġisterjali rigward il-privatizzazzjoni tal-isptarijiet. Abela u persuni konnessi miegħu adottaw attitudnijiet u mġieba intimidatorji kontra l-midja, billi identifikaw ġurnalisti individwali, b’mod partikolari ġurnalisti nisa, u xewxu disprezz pubbliku kontrihom.

Il-ġurnalisti m’għandhomx ikunu esposti għal intimidazzjoni u soġġetti għal disprezz pubbliku. Repubblika tinnota wkoll l-intimidazzjoni intenzjonata kontra l-ġurnalisti nisa u kontra n-nisa li jipparteċipaw fid-dibattitu pubbliku. L-attakk feroċi fuq ġurnalista minn Jason Micallef, Chairman tal-Aġenzija Kulturali għall-Belt Valletta, fuq il-programm RTK immexxi minn Andrew Azzopardi assolutament mhux aċċettabbli. Repubblika titlob li tittieħed azzjoni mingħajr aktar dewmien biex jiġi żgurat li l-privatezza tal-ġurnalisti tiġi rrispettata, u li attakki feroċi bħal dawn kontra l-ġurnalisti ma jirripetux ruħhom.

F’demokrazija li tiffunzjona, il-ġurnalisti jridu jitħallew iwettqu xogħolhom b’mod seren u mingħajr intimidazzjoni mill-gvern jew minn kwalunkwe sors ieħor.