Il-Progress Demokratiku ta’ Malta

Illum, 13 ta’ Diċembru, huwa l-ħamsin anniversarju minn meta Malta saret Repubblika, 10 snin wara li kienet rebħet l-Indipendenza mir-Renju Unit, fatt storiku li ppermettielha tieħu dan il-pass. Żewg mumenti ta’ importanza storika, politika u soċjali imprezzabli fl-istorja ta’ Malta, flimkien mad-dħul ta’ pajjiżna fl-Unjoni Ewropea 20 sena ilu.

X’kisbet Malta minn dak iż-żmien? L-ewwel ħaġa, kisbet identità internazzjonali bħala pajjiż sovran li jista’ joqgħod fuq il-mejda ta’ kull organizzazjoni Ewropea u internazzjonali fuq l-istess livell ta’ pajjżi ħafna akbar minnu. Pajjiż li għandu rappreżentanza tiegħu f’diversi pajjiżi madwar id-dinja kollha, u jista’ jsawwar djalogu ma’ kull pajjiż bl-identità tiegħu, u mhux taħt kappa kolonjali. Il-Maltin huma rrapreżentati minn Presidenti li huma Maltin bħalhom, li jitkellmu l-lingwa tagħhom, li l-kultura u l-għerf tagħhom ġew magħġuna fl-istess sistema edukattiva ta’ ċittadini Maltin bħalhom.

Malta għamlet ħafna progress minn kull waħda minn dawn it-tliet dati storiċi fundamentali. Tkattar ħafna ġid permezz tax-xogħol bieżel ta’ Maltin u Għawdxin li ħadmu biex pajjiżhom jiżviluppa l-industriji u l-kultura tiegħu. U għal dan, hemm bżonn li nirringrazzjaw kull ħaddiema u ħaddiem li ddedikaw l-isforz tagħhom biex jagħmlu xogholhom bl-aħjar mod, għax huma dawn, li forsi ma jidhru qatt fil-pubbliku, li kattru l-ġid u r-reputazzjoni ta’ Malta.

Minkejja dan, Malta baqgħalha ħafna xi twettaq, speċjalment fis-settur tal-governanza tajba u tas-saltna tad-dritt. Il-korruzzjoni kibret b’pass dejjem aktar mgħaġġel u nfirxet fuq kull livell politiku u soċjali. Jibqa’ l-fatt li mhix ħaġa normali li żviluppatur iwaqqa’ bini, anki ta’ ċertu wirt storiku, iweġġa’ u joqtol in-nies għax jagħmel xogħol ta’ kafkaf biex jaqla’ ftit aktar mill-eluf u miljuni li diġà qiegħed jaqla’. Mhix ħaġa normali li naraw il-politiċi tagħna jitħanżru kemm jifilħu minflok jissalvgwardaw l-interessi tal-Maltin u Għawdxin kollha, u mhux tagħhom u tal-bażużli tagħhom biss. Politiċi li jiġġustifikaw lil min qiegħed jaqla’ l-miljuni minn artijiet pubbliċi, u jikkapparaw proprjetà pubblika għall-iskopijiet tagħhom, iżda jibqgħu indifferenti lejn id-drittijiet tal-bqija tal-popolazzjoni għax dawn ma’ jġibulhomx flus fil-but personali tagħhom. Mhux normali li d-differenza bejn l-għonja u l-fqar hija tali li hemm min jorqod fit-triq jew fil-karozza. Mhux normali li dan kollu jibqa’ għaddej qisu xejn mhu xejn.

Ħaġa importanti li tmur kontra kull sens ta’ demokrazija huwa l-mod kif il-mezzi tax-xandir pubbliku jiġu maħtufa mill-gvern tal-ġurnata. Mhix ħaġa normali li ż-żewġ partiti għandhom stazzjonijiet tar-radju u tat-televiżjoni fejn l-ebda kontroll ma jiġi eżerċitat fuqhom. Dan iħallilhom l-ispazju għall-abbuż, b’attakki personali bħal dawk li saru lil Daphne Caruana Galizia. Iżda dawn il-mezzi ma tgħallmux mill-lezzjoni tal-mewt kiefra tagħha. Eżempju car ta’ dan huwa l-attakkk riċenti ta’ One News kontra t-Times u kontra ġurnalist kuraġġuż ewlieni, Jacob Borg, wieħed minn dawk il-ftit li qiegħed fuq quddiem fil-battalja għal ġurnalizmu veritier li jidħol fil-fond tal-istejjer li jkun qiegħed jindaga fuqhom. Dan l-attakk huwa daqqa ta’ ħarta oħra għall-proċess demokratiku ta’ ġurnaliżmu ħieles f’dan il-pajjiż. Il-ħila ta’ Borg hija rrikonoxxuta; huwa ġurnalist li rebaħ premju wara l-iehor fuq livell sija nazzjonali kif ukoll internazzjonali għall-kwalita’ tal-ġurnaliżmu investigattiv tiegħu. Iżda, jekk il-One ma tgħallimx, aħna l-Maltin u l-Għawdxin tgħallimna lkoll u m’aħniex bi ħsiebna li nħallu lil min jipprova jfarrak ir-reputazzjoni ta’ bniedem li qiegħed jagħmel xogħolu b’daqshekk kuraġġ.

Ir-Repubblika ta’ Malta għamlet ħafna passi kbar fl-iżvilupp tagħha. Għandha bżonn tagħmel passi daqshekk kbar fis-settur tal-ġurnaliżmu ħieles, u ta’ sens ċiviku li japprezza lil min għandu fehmiet differenti.