📸newsbook

L-Ispirtu tal-Milied?

Biex jiġġustifikaw is-siġra li ġiet armata quddiem il-parlament għall-milied, hawn min sostna li t-tiżjin tagħha ġie ispirat mill-poeżija “Il-Kebbies tal-Fanali” ta’ Anton Buttigieg, poeta, li kien ukoll politiku u ħassieb. F’din il-poeżija, il-poeta jitkellem fuqu nnifsu waqt li josserva raġel, Majsi, li kuljum jiġi jixgħel il-fanali tat-triq meta ma’ nżul ix-xemx id-dawl jibda jonqos. Il-poeta jqabbel id-dawl li qiegħed imajna ma’ ħajtu li waslet lejn it-tmiem tagħha. Jgħid li dik l-azzjoni tal-kebbies tal-fanali tispirah u kif id-dawl tal-fanali jtaffi d-diqa tal-lejl, il-poeżija, li qisha jaraha tielgħa mas-sellun ta’ Majsi, tixgħel fih dawl ta’ tama: “illi jtaffi ftit id-diqa, sa ma jmut ta’ ħajti l-fdal”.

Poeżija ġentili, b’lingwaġġ mieles, ta’ raġel qiegħed jipprepara ruħhu għall-mewt. It-ton ħelu tagħha ġie kompletament iddisprezzat u ttradut mill-volgarità u l-kruha ta’ dik is-siġra mostru li tħabbat wiċċek magħha kif tidħol il-Belt, flimkien ma’ dawk il-kruha l-oħra ta’ “planters” li taparsi isebbħu d-daħla tal-Belt kapitali tagħna, iżda mhuma xejn aktar minn mezz biex inaqqas l-ispazju f’kas ta’ protesti. Huwa ovvju li jekk dawk li ħasbu f’din is-siġra almenu il-poeżija qrawha, ma fehmu xejn.

Iżda t-tema ta’ tama hija waħda li hija marbuta tassew mal-milied. U meta naħseb f’din it-tema, ma nistax nieqaf naħseb fuq dawk li tama ftit baqgħalhom. Per eżempju, dawk kollha li l-ftit li għandhom insterqilhom mill-ħniżrija ta’ oħrajn: il-morda gravi b’kancer jew mard ieħor, dawk li għandhom diżabilità severa, dawk li qegħdin jorqdu f’garaxxijiet, jew fit-triq. U ma nistax ma naħsibx f’dawk il-povra rġiel mill-Ethiopia li wara li ilhom hawn snin twal jikkontribwixxu lejn l-ekonomija tagħna, li qatt ma għamlu farka deni lill-Maltin, anzi taw xogħolhom lis-socjeta’ Maltija, li qegħdin inġustament f’ħabs jistennew li l-gvern tagħna jeħodhom lura pajjiżhom, lura lejn l-għaks u l-gwerra li ħarbu minnhom. Tant huma onesti dawn in-nies li anke s-sidien tagħhom fuq ix-xogħol kellhom il-kuraġġ li jitkellmu għalihom.

Forsi ta’ min, fuq dawk it-twieqi ta’ dik is-siġra kerha, nqiegħdu l-ucuħ ta’ dawn il-vittmi, ħalli nfakkru il-kruha tat-tbatija u tan-nuqqas ta’ tama ta’ persuni li qegħdin jirriskjaw li jmorru lejn mewthom. Iżda din id-darba m’hemmx Majsi biex iġibilhom xi xaqq ta’ dawl. It-tama tagħhom u tagħna qegħda biss li xi ħadd f’dan il-perjodu jibda jirraġuna b’mod uman u umanitarju.

Vicki Ann Cremona
President