Anke fost il-ħnieżer hemm liġijiet differenti!

Evarist Bartolo darba kien qal, ċertament hu u jaħseb fil-ktieb ta’ George Orwell: Animal Farm (Ir-Razzett tal-Annimali), li hemm liġi għall-allat u oħra għall-annimali. Iżda anke fost il-ħnieżer mhux kulħadd huwa meqjus bl-istess mod.

Naqblu lkoll mal-kliem ta’ Rosianne Cutajar, meta kienet qiegħda tirreferi għall-bażużli tal-Gvern: “Kulħadd jitħanżer”. Kellha raġun; tħanżret hi, bħal ma tħanżru tant oħrajn – il-politiċi eżemplari fit-tħanżir. Gimgħa wara l-oħra niskopru xi tħanżira ġdida li kkommettew, bħal din tal-aħħar, mill-Ministru Clayton Bartolo u l-mara tiegħu, bl-għarfien tal-Ministru Clint Camilleri.

Iżda anke fost dawn il-ħnieżer, l-affarjiet ma jimxux bl-istess mod. Iż-żewġ nisa li tħanżru, Justyne Caruana u Rosianne Cutajar, kellhom jirriżenjaw (għalkemm wara, post ieħor malajr instabilhom). Pero’ l-irġiel ġew maħfura, kien biżżejjed li dak li tħanżer l-aktar mit-tnejn qal speċi ta’ “Sorry”, u l-affari, skont il-Prim Ministru tagħna lkoll, waqfet hemm. Iżda aħna qegħdin nistennew li dawn ukoll jitilqu minn posthom. U mhux biss. Li l-flus li ngħataw lil Amanda Muscat talli m’għamlet xejn jerġgħu jingħataw kollha kemm huma lill-kaxxa ta’ Malta.

L-unika skuża li sab Robert Abela hija li aħna ta’ Repubblika niffurmaw parti mill-Partit Nazzjonalista. Miskin, għadu ma fehemx xi tfisser is-socjeta’ civili li m’għandhiex partiti. Kif mid-dehra għadu ma fehemx li huwa mdawwar bi ħnieżer li xebgħu jieklu minn fuq dar il-Maltin u qegħdin iderru lill-dawk ta’ madwarhom li m’hemm xejn ħażin jekk titħanżer u tiffanga bi flus il-poplu.

Vicki Ann Cremona
President