484108565 959067873087310 6513640640721260310 n

Repubblika mhux se titbeżża’ bit-theddid ta’ azzjoni legali.

Aħna nirrispettaw il-verdett tal-ġurija u r-rwol kostituzzjonali tal-qrati. Qatt ma għedna mod ieħor. Imma verdett ta’ ħelsien ma jħassarx ix-xhieda li nstemgħet fil-qorti, u lanqas ma jobbliga liċ-ċittadini jinsew dak li qal Yorgen Fenech innifsu — fir-recordings tal-interrogazzjoni tiegħu mill-Pulizija u meta xehed taħt ġurament fil-proċess tiegħu.

Smajnieh aħna. Semgħetu Malta kollha.

L-avukati tiegħu għandhom kull dritt jiddefendu lill-klijent tagħhom b’kull mezz li tagħtihom il-liġi. M’għandhomx dritt jistennew li nibżgħu u nisktu.

Għal snin sħaħ, dawk li talbu l-verità u r-responsabbiltà wara l-assassinju ta’ Daphne Caruana Galizia ġew insultati, mhedda, imħarrka, u ppruvaw iġegħluhom iħossuhom waħedhom.

M’aħniex waħedna.

U min jipprova jaqbad magħna wieħed wieħed, jiżolana u jbeżżagħna biex ma nitkellmux, mhux se jirnexxilu jsikkitna u lanqas se jġiegħel il-mistoqsijiet jisparixxu.

Nhar l-Erbgħa 16 ta’ Settembru n-nies se jinġabru l-Belt fis-7pm, b’mod paċifiku, skont il-liġi u b’solidarjetà: mal-familja ta’ Daphne Caruana Galizia, mal-ġurnalisti, ma’ xulxin, u mal-prinċipju li f’demokrazija ċ-ċittadini għandhom kull dritt jitolbu l-verità, il-ġustizzja u r-responsabbiltà.

Min jaħseb li bit-theddid jista’ jbeżża’ dan il-moviment u jsikktu, jista’ jiġi jara b’għajnejh nhar l-Erbgħa.