Image 3

Joseph Muscat Għandu Dritt Għal Smiegħ Xieraq; M\’Għandux Dritt Jhedded Lil Min Investigah

📷Times of Malta

Ma nifilħux naraw lil organizzazzjonijiet kriminali jużaw ir-riżorsi tagħhom biex jintimidaw lill-uffiċjali tal-istat li jaħdmu biex jiqfulhom. M\’aħniex se naċċettaw l-intimidazzjoni u t-theddid tal-investigaturi, il-prosekuturi u l-maġistrati u m\’aħniex se niqbgħu siekta quddiem organizzazzjoni mafjuża li tuża t-theddid u l-biża\’ biex tgħaddi tagħha u tiżgiċċa l-ġustizzja.

Nirreferu l-ewwel għall-persekuzzjoni orkestrata organizzata minn Joseph Muscat ta\’ waħda mill-esperti tal-Qorti li ġabret u ddokumentat il-provi fl-inkjesta dwar il-korruzzjoni fl-isptarijiet. Din l-intimidazzjoni viljakka qed issir lil din l-espert għax il-provi li ġabret iġibu fl-inkwiet lil Joseph Muscat u \’l sħabu. Ma jistax jiskredita l-provi allura qed jara kif jiskredita u jintimida lil min ġabarhom.

Infakkru li l-istess espert kienet identifikata bħala forensic accountant fl-inkjesta tal-Egrant. F\’dik l-inkjesta, għax hekk qabel lil Joseph Muscat, ma saret ebda kontestazzjoni tal-kredenzjali ta\’ dik l-istess espert tal-qorti. Muscat jhedded lil min jidhirlu li jkun ostaklu bejn ir-reati li wettaq u l-impunità li jippretendi li jgawdi.

Nirreferu fl-istess waqt għat-theddid li ħareġ bih il-kelliem tal-organizzazzjoni ta\’ Joseph Muscat, Jason Micallef, li hedded li jkun hemm tpattijja għal kull min ikkontribwixxa biex issir il-prosekuzzjoni ta\’ Muscat. Din l-intimidazzjoni hi maħsuba biex issikket lil dawk l-uffiċjali tal-istat b\’kuxjenza u responsabbiltà li jridu jwettqu dmirhom skont il-liġi. Hu għalhekk li ntennu lil Muscat li ma nibiżgħux minnu u li qatt m\’aħna se nħallu weħidhom lill-forzi tal-istat li jiġġieldu l-kriminalità organizzata u jippromwovu l-legalità.