Image 3

IL-VOLONTIERI AMBJENTALI JIXIRQILHOM APPOĠĠ, MHUX TKABBIR

Repubblika tesprimi s-solidarjetà tagħha mal-voluntiera tal-Malta Ranger Unit u BirdLife Malta, li ġew irridikolati u malafamati.

Il-kwistjoni mhix sempliċement li l-partitarji ta’ partit politiku għażlu li jwaqqgħu għaċ-ċajt organizzazzjonijiet ambjentali li jiddedikaw il-ħin u l-enerġija tagħhom għall-protezzjoni tal-ħajja selvaġġa u l-infurzar tal-liġijiet ambjentali. Dak li hu partikolarment inkwetanti huwa li l-eks Segretarju Parlamentari responsabbli għad-drittijiet tal-annimali għażel li jiġġustifika din l-imġiba u mbagħad fittex li jpoġġi fuq l-istess livell morali lil dawk li jiksru l-liġijiet li jipproteġu l-annimali u l-ambjent u lil dawk li jivvolontarjaw biex jiddefenduhom.

L-ebda Segretarju Parlamentari għad-Drittijiet tal-Annimali ma jista’ raġonevolment jiġi mistenni li jibqa’ newtrali bejn dawk li jisparaw fuq annimali protetti u dawk li jaħdmu biex jipproteġuhom. L-ebda uffiċjal pubbliku m’għandu jkun newtrali bejn dawk li jiksru l-liġi u dawk li jgħinu fl-infurzar tal-liġi.

Huwa partikolarment irresponsabbli għal eks ministru li jirrepeti allegazzjonijiet mhux sostanzjati kontra voluntiera ambjentali mingħajr ma jipprovdi ebda evidenza li tappoġġjahom. L-uffiċjali pubbliċi għandhom id-dmir li jsostnu l-fatti u jipproteġu lil dawk li jaġixxu fl-interess pubbliku, mhux li jdgħajfuhom.

Il-Malta Ranger Unit u BirdLife Malta jipprovdu servizz pubbliku importanti, ħafna drabi b'riskju personali konsiderevoli. L-inqas li huma intitolati jistennew huwa li l-politiċi li naqsu milli jiżguraw infurzar effettiv tal-liġijiet ambjentali ma jaggravawx l-ostilità diretta kontrihom.

Ir-rimarki attribwiti lil Alicia Bugeja Said juru disprezz inkwetanti għas-soċjetà ċivili u għaċ-ċittadini li joffru ruħhom b’mod volontarju biex jipproteġu l-wirt naturali tagħna. Repubblika se tkompli tappoġġja lil dawk li jiddefendu s-saltna tad-dritt, jipproteġu l-ambjent tagħna, u jaqdu l-interess pubbliku, minkejja l-intimidazzjoni, il-bullying, u l-kalunnja.