Prefazju
L-arti sservi wkoll bħala għodda importanti biex tifforma kuxjenza soċjali, biex tirreaġixxi kontra l-ħażen tas-soċjetà u sservi bħala d-denunzja tagħha bil-miktub. Fil-qosor, l-artisti, ta’ kull mezz, jagħtu xhieda ta’ dak li qed jiġri fid-dinja tagħna u jġegħluna nħarsu lejh. Kemm jekk irriduh u kemm jekk le.
L-arti hija wkoll forma oħra ta’ espressjoni personali. Għalhekk, kien naturali li l-artisti jirreaġixxu għall-attakk fuq id-demokrazija tagħna li seħħ waranofsinhar xemxi, nhar it-Tnejn, 16 ta’ Ottubru 2017, f’wieħed mill-isbaħ widien f’Malta.
Din l-installazzjoni artistika hija preżentazzjoni viżwali ta’ wħud mill-arti maħluqa wara l-assassinju tal-ġurnalista investigattiva, Daphne Caruana Galizia, li nqatlet talli kitbet, talli rreġistrat fil-kuxjenza pubblika, dak li għaddej fl-aktar rokna mudlama tal-gvern tagħna, tas-soċjetà tagħna.
Iddeċidejna li l-installazzjoni tiġi pproġettata fi Pjazza l-Assedju l-Kbir fil-Belt Valletta għaliex għat-tliet snin li għaddew, il-Monument tal-Assedju l-Kbir kien is-sit tal-protesta kontinwa tagħna, il-monument ġie trasformat f'mafkar, espressjoni tal-għadab kollettiv tagħna għal dan l-aktar delitt atroċi fil-qalba tal-Ewropa, u tfakkira kontinwa lill-gvern u lid-dinja li l-ġustizzja għadha ma saritx.
Nirringrazzjaw lill-artisti parteċipanti kollha li użaw l-arti tagħhom b'mod konsistenti bħala protesta għal dawn l-aħħar tliet snin.
Dan hu l-għajta tagħhom.
Alessandra Dee Crespo
Kuratur
President elett, Repubblika
