Repubblika tagħmel appell lil dawk kollha ta’ rieda tajba biex nhar it-Tlieta, 28 ta’ Mejju 2024 u nhar l-Erbgħa, 29 ta’ Mejju 2024, ma jmorrux il-Belt fil-ħin meta jkunu ser jitressqu l-Qorti Joseph Muscat, Keith Schembri u oħrajn. Għal kuntrarju ta’ Joseph Muscat u s-segwaċi tiegħu li qed isaħħnu l-irjus biex jevitaw il-konsegwenzi tal-għemil tiegħu, il-buon ordni dejjem kien l-ewwel prijorità tagħna kull meta organizzajna kemm veljiet kif ukoll protesti tal-massa, speċjalment dawk tal-2019 u l-aħħar waħda l-ġimgħa l-oħra.

Għaldaqstant, aħna ta’ Repubblika ktibna lill-Kummissarju tal-Pulizija dwar dan it-tħassib tagħna u qed nirripruduċuha hawn taħt:

Sur Kummissarju,

Jiena u l-Kumitat Eżekuttiv ta’ Repubblika qed insegwu mill-qrib dak kollu li jirrigwardja l-inkjesta maġisterjali miksuba minn Repubblika ħames snin ilu dwar il-konċessjoni frawdolenti tal-isptarijiet tal-Poplu Malti.

Nifhmu u naqblu b’konvinzjoni mal-ħtieġa li f’pajjiżna tinżamm il-buon ordni f’dan il-mument delikat fl-istorja ta’ pajjiżna.

Qed ninnutaw li wieħed mill-individwi li se jitressqu quddiem il-Qorti tal-Magistrati biex iwieġbu għal akkużi kriminali b’rabta mal-imsemmija inkjesta kriminali, cioè l-eks prim ministru Joseph Muscat, qed isejjaħ lis-segwaċi tiegħu biex jinżlu fit-toroq dakinhar li hu se jitressaq il-Qorti.

Aħna konxji li din il-mobilizzazzjoni toħloq sfida lill-Korp tal-Pulizija biex tinżamm il-buon ordni dakinhar tat-28 u d-29 ta’ Mejju li ġejjin, speċjalment in vista tal-kampanja ta’ tixwix u gideb li wettaq u għadu qed iwettaq l-istess Joseph Muscat flimkien mal-Prim Ministru Robert Abela u esponenti oħra tal-Gvern u tal-Partit Laburista kontra membri tal-ġudikatura, kontra ġurnalisti u kontrina l-attivisti tas-soċjetà ċivili li ksibna l-imsemmija inkjesta.

Inti taf ben tajjeb, għaliex anke ikkonfermajtli dan personalment, illi minkejja d-disapprovazzjoni qawwija tagħna għat-tmexxija tal-Korp tal-Pulizija kemm taħt il-predeċessur tiegħek Lawrence Cutajar kif ukoll taħtek, aħna dejjem konna pro-attivi fl-isforz tagħna biex nikkollaboraw mal-Korp tal-Pulizija fiż-żamma tal-buon ordni f’pajjiżna. Aħna kontra kull forma ta’ vjolenza u għalhekk bi ħsiebna nkomplu nagħtu l-kontribut tagħna biex anke f’dan iż-żmien ta’ tensjoni tinżamm il-buon ordni f’pajjiżna.

Fid-dawl ta’ dan, qiegħed ninfurmak li Repubblika m’hi ser torganizza l-ebda attivita’ pubblika nhar it-28 u d-29 ta’ Mejju li ġejjin, la fil-Belt Valletta u lanqas f’partijiet oħra ta’ pajjiżna.
Qed ninfurmak b’dan fi spirtu ta’ kollaborazzjoni, sabiex il-Korp tal-Pulizija jkun f’posizzjoni aħjar li jaffronta dan il-mument delikat.

Tislijiet,

Robert Aquilina
President Onorarju, Repubblika